'Id-dewmien fl-ipproċessar tal-VISA qed joħloq sfida 'bla preċedent' ta' nuqqas ta' ħaddiema'

Il-Kamra tal-SMEs tisħaq li din il-problema ilha magħrufa u dwarha ma sar xejn bil-konsegwenza li issa 'ħarbet mill-kontroll'

Il-Kamra tal-SMEs qalet li Malta qed tesperjenza problema serja ta’ nuqqas ta’ ħaddiema u li flimkien mal-isfidi tal-inflazzjoni qed tkompli żżid il-pressjoni fuq in-negozji u fuq l-ekonomija inġenerali.

Fi stqarrija, il-Kamra qalet li ilha xhur tisħaq li jekk mhux se tittieħed azzjoni immedjata, Malta se tkun qed tiffaċċja kriżi ta’ nuqqas ta’ ħaddiema.

Kien hawn li kompliet tgħid li dawn it-twissijiet ma ġewx indirizzati fil-ħin u li d-dewmien fl-ipproċessar tal-VISAs biex ikunu jistgħu jinġiebu ħaddiema minn pajjiżi terzi qed tkompli tgħarraq is-sitwazzjoni.

“Il-pressjoni li n-negozji qed jiffaċċjaw fejn tidħol ir-riżorsa umana hija bla preċedent.”

Fil-fatt, studju li sar mill-Kamra tal-SMEs sab li l-problema tan-nuqqas ta’ ħaddiema qed tolqot u tħasseb lin-negozji daqs l-inflazzjoni. Sab ukoll li r-riżultati ta’ dawn l-isfidi qed ifissru miljuni ta’ ewro inqas għan-negozji u l-ekonomija inġenerali.

Il-Kamra semmiet il-Kummissjoni Għolja għall-Indja li tipproċessa l-applikazzjonijiet tal-VISA mill-Indja, in-Nepal, il-Bangladexx, is-Sri Lanka u anke l-Maldives. Fakkret li dawn huma sorsi importanti ħafna għall-importazzjoni ta’ ħaddiema barranin.

Insistiet li bħalissa, l-ipproċessar tal-VISA minn dawn il-pajjiżi waqa’ lura mmens.

Kompliet tgħid li s-sistema għall-ipproċessar tal-VISA hija antika ħafna, mhijiex trasparenti u ma għandhiex ir-riżorsi neċessarji biex tindirizza l-pressjoni li hemm fuqha.

Il-Kamra insistiet li l-problema ilha magħrufa imma dwarha qatt ma sar xejn.

“Is-sistema issa mhux sempliċiment mhux qed tkun immaniġġjata imma ħarbet mill-kontroll. Din il-kriżi għandha bżonn intervent drastiku,” kompliet l-istqarrija.

Temmet tappella lill-awtoritajiet biex immedjatament jaraw li jkun hemm ir-riżorsi kollha meħtieġa biex l-ipproċessar tal-VISA ma jibqax idum.

More in Politika