'Tħallux il-flus jieħdu f'idhom il-poter reali tal-Istat' - L-Arċisqof lid-Deputati l-ġodda

Waqt il-Pontifikal qabel il-Ftuħ tal-Parlament, l-Arċisqof jappella lid-Deputati biex jaħdmu sabiex il-pajjiż jissupera l-mentalità tribali u biex ma jaġixxux biss b'urġenza imma jħarsu fit-tul u jindirizzaw l-għeruq tat-tbatija

L-Arċisqof ta’ Malta Charles Scicluna appella lill-politiċi, li llum ħadu l-ġurament bħala Deputati Parlamentari, biex l-azzjonijiet tagħhom ma jkunux imqanqla biss minn urġenza, imma appella biex iħarsu fit-tul u jindirizza l-għerq tat-tbatija u jindirizzawha. Appella wkoll biex jaħdmu sabiex jissuperaw il-mentalità tribali u biex ma jħallux il-flus jieħdu f'idhom il-poter tal-Istat. 

“Il-karita politika tidher ukoll f’qalb miftuħa għal kulħadd,” ikkwota l-Arċisqof lill-Papa. “Ħuti, din il-kelma tal-Papa naraha kelma li tagħmlilna kuraġġ biex nissuperaw il-mentalità tribali — aħna u intom, huma u aħna — u mhux se nagħmluha f’ġurnata. Nispera nilħqu nagħmluha f’seklu imma aħna hemm bżonn naħdmu issa f’ħajjitna, jiena magħkom.”

Monsinjur Scicluna qal dan waqt l-omelija tiegħu waqt il-Quddiesa tal-Ispirtu s-Santu fil-Kon Katidral ta’ San Ġwann li tat bidu għaċ-ċerimonju tal-ftuħ tal-Parlament Malti għall-14-il leġislatura.

L-Arċisqof silet ir-riflessjoni kollha tiegħu mill-Enċiklika tal-Papa Franġisku Ilkoll Aħwa u anke mid-diskorsi li hu għamel ftit tal-ġimgħat ilu meta żar Malta.

Fakkar li f’din l-ittra tiegħu, l-Papa jiddistingwi bejn imħabba imqanqla minn urġenza, bħal meta xi ħadd iħossu ħażin ft-triq u ħaddieħor imur jgħinu u dik li l-Papa jsejħilha “tjubija ordnata.”

Hi karità li toqgħod qrib ta’ persuna li qed tbati, u hi karità wkoll dak kollu li tagħmel, anki mingħajr ma jkollok kuntatt dirett ma’ dik il-persuna, biex tibdel il-kundizzjonijiet soċjali li qed jikkawżaw it-tbatija tagħha,” ikkwota l-Arċisqof.

Kien hawn li saħaq li jekk is-Samaritan it-Tajjeb ra l-urġenza u l-emerġenza u rrisponda mill-ewwel, il-politiku jrid jaħseb fit-tul, lejn l-għerq tal-problema u jindirizzaha.

Ritratt ta' James Bianchi (MediaToday)
Ritratt ta' James Bianchi (MediaToday)

Insista li hija karità wkoll, anzi forma ogħla ta’ kwalità dik li ssir minn xi ħadd li ma jkollux kuntatt dirett mal-persuna. Ta dawn iż-żewġ eżempji li jsemmi l-Papa:

“Jekk xi ħadd jgħin anzjan jaqsam xmara – u din hi karità mill-aqwa – il-politiku jibnilu pont, u anki din hi karità. Jekk xi ħadd jgħin lil ieħor billi jagħtih x’jiekol, il-politiku joħloq għalih post tax-xogħol, u hekk ikun iħarreġ għamla l-aktar għolja ta’ karità li tagħmel l-azzjoni politika tiegħu waħda tassew nobbli,” insista l-Papa.

Irrefera wkoll għaż-Żjara tal-Papa Franġisku f’Malta u d-diskors b’saħħtu li hu għamel lill-awtoritajiet tal-pajjiż fil-Palazz tal-Gran Mastru ftit wara li rifes fuq gżiritna.

Fakkar li l-Papa talab biex Malta tkun verament laboratorju ta’ ġustizzja soċjali, ta’ paċi soċjali. Talab ukoll biex l-impenn biex tintemm l-illegalità u l-korruzzjoni jkun qawwi "bħal dak ir-riħ li jonfoħ u jnaddaf il-kosta."

“L-onestà, il-ġustizzja, is-sens tad-dmir u t-trasparenza huma pilastri essenzjali ta’ soċjetà ċivilment avvanzata,” qal l-Arċisqof waqt li kompla jikkwota lill-Papa.

Insista li anke jekk illum il-politika saret kelma kerha, minħabba żbalji, korruzzjoni u ineffiċjenza ta’ xi politiċi, jibqa’ l-fatt li d-dinja ma tistax tiffunzjona mingħajr politika ġusta.

“Għandna bżonn il-politika u għandna bżonn partiti politiċi magħmula min-nies determinati li jwettqu u jagħmlu xi ħaġa,” insista l-Arċisqof.

Kompla jikkwota lill-Papa u saħaq li politika tajba hija dik li ma tħallix l-ekonomija tieħu f’idha l-poter reali tal-isptar, jiġifieri l-flus ma jistgħux jiġu qabel kollox.

Saħaq li l-mistoqsijiet li jistaqsu l-politiċi ma għandhomx ikunu fuq kemm ġabu voti u kemm qala’ ċapċip imma kemm poġġa imħabba fil-proġetti tiegħu, kemm għen biex il-poplu jimxi ‘l quddiem, x’marka ħalla fuq is-soċjetà u kemm żera paċi.

Temm jawgura lill-politiċi kollha u ħeġġiġhom biex il-ħidma tagħhom tkun espressjoni tal-imħabba politika li xandar il-Papa Franġisku.

More in Politika