Bernard Grech jitfa' n-nomina għal kariga ta' Kap tal-Partit Nazzjonalista

Kollox jindika li sa' issa Bernard Grech se jkun qiegħed itellaq waħdu għall-elezzjoni tal-Kap 

Aktar kmieni illum il-Kummissjoni Elettoral irċeviet id-dikjarazzjoni ta' interess għall-kariga tal-Kap ta' Partit, minn Bernard Grech. Hekk kif nhar il-Ħadd, mill-Kunsill Ġenerali tal-PN skatta l-proċess għall-elezzjoni għall-Kap tal-PN. 

Sa' issa kollox jindika li dan se jkun qiegħed itellaq waħdu. Madankollu, id-dikjarazzjoni ta' interess għal Kap se jibqgħu jiġu aċċettati sa nhar is-Sibt 30 ta' April f'12pm. 

Fl-indirizz tiegħu lid-delegati tal-PN nhar il-Ħadd li għadda, Grech saħaq li jekk l-azzjonijiet tiegħu ma jwasslux lill-PN biex jirbaħ it-tielet siġġu fil-Parlament Ewropew, se jkun qed jerġa' jitlob vot fuq it-tmexxija tiegħu. Fil-fatt il-PN, minkejja li daħħal lill-Malta fl-Unjoni Ewropea qatt ma rebaħ l-elezzjonijiet tal-Parlament Ewropew. 

Fid-diskors, tiegħu Grech ikkonferma l-istorja tal-gazzetta ILLUM, jiġifieri li l-PN għandu dejn ta' €32 miljun. Huwa qal li mhux faċli li tmexxi partit u tieħu deċiżjonijiet u tispiċċa b'idejk dejjem marbuta minħabba l-limitazzjonijiet finanzjarja tal-PN. Grech saħansitra qal li l-PN m'għandux biżżejjed flus biex imexxi kampanja elettorali oħra għall-elezzjoni tal-Parlament Ewropew u l-kunsilli lokali, li se jsiru sentejn oħra. 

Din l-elezzjoni interna trid issir skont l-istatut tal-PN wara telfa elettorali, bħal dik tas-26 ta' Marzu. 

More in Politika