Aġġornata | BirdLife tisħaq li l-kwota tal-kaċċa fuq il-gamiema nqabżet iżda l-Gvern jiċħad

BirdLife qed tisħaq li fl-aħħar jiem innutaw ħafna illegalitajiet u apparti n-nuqqas ta' kontrolli, il-kaċċaturi jiddikjaraw inqas minn fejn fil-fatt ikunu qabdu

BirdLife Malta qalet li wara ġimgħa mill-ftuħ tal-istaġun tal-kaċċa fir-rebbiegħa fuq il-Gamiema, temmen li l-kwota ta’ 1,500 Gamiema nqabżet, anke jekk il-Ministru qed jiċħad.

Fi stqarrija, BirdLife qalet li l-ammont ta’ gamiem li deher qed ipassi u l-intensità tal-attività tal-kaċċa li ġiet osservata mill-ftuħ tal-istaġun tal-kaċċa fir-rebbiegħa fuq il-Gamiema fis-17 t’April lil hawn huma fost l-indikaturi ta’ dan.

Semmiet ukoll il-preżenza “aktar qawwija” tal- kaċċaturi fil-kampanja dan l-istaġun, inkluż f’postijiet pubbliċi li, fi kliem l-organizzazzjoni, ma setgħux jiġu gawduti mill-pubbliku ġenerali.

Qal ukoll li Gnnutata żieda f’diversi illegalitajiet bħal pereżempju l-użu ta’ apparat tal-għajjat elettroniku, li huwa illegali u li wassal għal żieda fil-qtil ta’ din l-ispeċi vulnerabbli.  

“M’għandna l-ebda dubju, kif żgur li m’għandu l-ebda dubju kull minn għandu ftit sens komun, li n-numri li ssottomettew il-kaċċaturi b’rabta mal-qabdiet li għamlu huma inqas minn kemm verament qabdu. Dan isir apposta sabiex l-istaġun jibqa’ miftuħ irrispettivament min-numru ta’ Gamiem li ġie kkaċċjat,” insista l-Kap Eżekuttiv ta’ BirdLife Malta Mark Sultana. “Ejja nassumu li kuljum matul l-ewwel ġimgħa tal- istaġun, 400 kaċċatur biss qabdu gamiema f’kull ġurnata tal-istaġun. Dan ix- xenarju, li hu ferm konservattiv u assolutament mhux realistiku, diġà jkun ifisser li ntlaħqet iċ-ċifra ta’ 2,800 Gamiema, kważi d-doppju tal-kwota nazzjonali għal din l-ispeċi.” 

Dwar l-illegalitajiet, BirdLife qalet li f’ġurnata waħda biss, timijiet ta’ BirdLife Malta osservaw aktar minn 300 tir minn post wieħed l-aktar fuq gamiem hekk kif fl-aħħar ġimgħa l-passa kienet qawwija.

“Il-kaċċaturi pparteċipaw b’qawwa fl-istaġun tal-kaċċa għall-Gamiema ta’ din is-sena, bil-mezzi kollha possibbli biex jassiguraw li jaqbdu kemm jistgħu Gamiem,” qal il-Kap tal-Konservazzjoni ta’ BirdLife Malta Nicholas Barbara. “Sa mis-16 t’April filgħaxija stajna naraw kaċċaturi jarmaw kull tip ta’ decoy tal-Gamiem fil-postijiet fejn jikkaċċjaw u l-apparat tal-għajjat elettroniku (callers) għall-Gamiem issa sar fenomenu ġdid u mifrux.” 

Il-gamiema – li hija kklassifikata bl-istatus ta’ ‘Vulnerabbli għall-Estinzjoni’ mir-Red List tal-Għaqda Internazzjonali għall-Konservazzjoni tan-Natura (IUCN) – qed tkompli tonqos fin-numri fl-Ewropa. Din is-sena Task Force tal-Unjoni Ewropea (UE) li twaqqfet mill-Unjoni Ewropea dwar l-Irkupru tal-għasafar saħanistra kienet talbet li l-kaċċa għall-gamiem ma tkunx permessa madwar l-Istati Membri kollha tal-UE fl-2022. 

Minkejja dan, il-Gvern u d-WBRU xorta baqgħu għaddejjin bil-ftuħ tal- istaġun. 

“Dan l-istaġun tal-kaċċa fir-rebbiegħa mhu xejn ħlief qtil bla kontroll, intenzjonat u indiskriminat ta’ speċi fil-periklu tal-estinzjoni, taħt l-iskuża ta’ deroga minn Direttiva dwar l-Għasafar li għandha l-iskop li tipproteġi l- għasafar tal-Ewropa. L-istaġun tal-kaċċa fir-rebbiegħa f’Malta hu illegali, immorali u mhux etiku, waqt li hu tal-mistħija għal dawk li ppermettew li jinfetaħ,” temmet tgħid l-istqarrija.

Il-Ministeru jiċħad

Minkejja dan, il-Ministeru għal Għawdex, li taħtu taqa' l-kaċċa, ċaħad u saħaq li l-Wild Bird Regulation Unit qed issegwi kontinwament l-istaġun tal-kaċċa tal-gammiema u s-summiena.

"Ma jirriżultax li ntlaħqet il-kwota tal-1,500 gammiema kif intqal fid-dikjarazzjonijiet pubbliċi ta’ BirdLife Malta," insista l-Ministeru.

More in Politika