‘Id-dettalji jingħataw fiż-żmien opportun’ - Il-Gvern ma jindikax kif se jimplimenta l-proposta tal-MAP

Aċċess għall-Morning After Pill (MAP) ifisser aktar edukazzjoni, ħajja aħjar u inqas riskju ta’ faqar għan-nisa. Il-Gvern se jwettaq dak li ppropona ftit ġimgħat ilu, jew se nibqgħu fuq l-ixkaffa? U jekk iwettaqha kif se jwettaqha? 

Il-Kabinett issa iffurmat u l-pass li jmiss huwa li l-Ministri jxammru l-kmiem u jibdew jaħdmu. L-ILLUM reġgħet qabdet il-manifest ta’ 1000 proposta tal-Partit Laburista u propju f’nofshom eżatt wieħed isib li l-Gvern il-ġdid, f’din il-leġiżlatura, se jkun qiegħed iqassam il-pillola kontraċettiva u l-morning after pill (MAP) b’xejn miċ-ċentri tas-saħħa u mill-ispiżeriji. 

Apparti minn hekk wiegħed ukoll li l-Intrauterine Contraceptive Devices (IUDs), inkluż dawk ormonali, jiġu offruti b’xejn lin-nisa kollha bħala parti mis-servizz tas-saħħa. 

Għaldaqstant il-gazzetta ILLUM ikkuntattjat lill-Ministeru tas-Saħħa dwar din il-proposta u staqsiet ħames mistoqsijiet. Dawn kienu: 

  • Il-ħsieb huwa li dawn se jitqassmu f’kull spiżerija? Dawk l-ispiżeriji li bħalissa jirrifjutaw li jbiegħu l-MAP se jingħataw l-għażla jekk iqassmuhomx jew le? (Bħal POYC)
  • Il-Ministeru x’jaħseb li se jkunu r-rekwiżiti biex wieħed jieħu l-MAP b’xejn ? (Eżempju: l-età) 
  • Kif qed taħsbu li se tkun is-sistema biex tingħata l-MAP, trid tagħti d-dettalji personali?  Hemm il-ħsieb li dawn id-dettalji se jinżammu f’xi database biex ikun hemm kontroll fuq kemm persuna tieħu?
  • Se tkun tista’ tingħata l-MAP jekk tieħu l-pillola kontraċettiva b’xejn diġà? 
  • Jekk jitqassmu fiċ-ċentri tas-saħħa dawn se jkunu għad-dispożizzjoni tal-pubbliku fil-Ħdud u l-festi?

Għal dan, il-Ministeru ma weġibx minkejja li din kienet wegħda li ġiet irrepetuta divesi drabi fil-kampanja elettorali. 

Minflok f’risposta ta’ sentenza waħda biss il-Ministeru qal: “id-dettalji dwar proposta numru 509 se jiġu ikkomunikati fiż-żmien opportun.” 

X’inhi l-Morning After Pill u kif inhi differenti minn kontraċettivi oħra? 

Kemm il-pillola kontraċettiva, l-MAP u l-IUDs huma kontraċettivi li jipprevjenu t-tqala iżda jaħdmu b’mod differenti. Il-pillola kontraċettiva tittieħed kuljum u twaqqaf l-ovulazzjoni kompletament permezz tal-ormoni li jinsabu fil-pilloli. Minn naħa l-oħra l-IUD huwa apparat żgħir li jipprevjeni l-isperma milli tilħaq il-bajda u tinżamm fl-utru għal perjodu ta’ żmien. 

Kuntrarju ta’ dawn it-tnejn, li jridu jkunu fis-sistema tal-ġisem ta’ kuljum, il-MAP hija pillola kontraċettiva li tittieħed f’każ ta’ emerġenza sigħat - jew f’ċertu każi jiem - wara s-sess. Din tittieħed jekk ma jintużawx il-kontraċettivi biex jipprevjenu t-tqala jew inkella ma jaħdmux il-kontraċettivi, għal xi raġuni jew oħra. 

Madankollu, l-ebda minn dawn il-kontraċettivi ma titqies li hija abortiva tant li ilha legali f’Malta mill-2016. 

Fl-aħħar snin, din il-pillola qajmet kontroversja għax kien hemm xi spiżjara li rrifjutaw li jbigħuha. Saħansitra l-eks Deputat Nazzjonalista Edwin Vassallo kien saħaq li din hija abortiva.  

L-ILLUM iċċempel lil 70 spiżerija u tistaqsi għall-MAP… X’wieġbu? 

Madwar tliet snin ilu din il-gazzetta ħadet kampjun ta’ 70 spiżerija madwar Malta u Għawdex, daqs li kieku konna klijenti bix-xewqa li nixtru l-MAP. Minn dawn 70% kienu jbigħuha (49) u kienu 21 biss (30%) li ma jistokkjawx l-MAP. 

Il-kontroversja qamet tliet snin ilu stess meta diversi nisa oġġezzjonaw għal numru ta’ mistoqsijiet li qalu li huma wisq personali meta jmorru jixtru l-MAP. Għal dan il-Kamra tal-Ispiżjara kienet saħqet mal-ILLUM li l-ispiżerija mhijiex ħanut u l-mediċini mhumiex prodotti kummerċjali ordinarji. 

Il-Kamra nsistiet li huwa fi dmir l-ispiżjar li jistaqsi l-mistoqsijiet, anke meta tbigħ mediċina mingħajr il-bżonn ta’ riċetta. 

Fil-fatt din il-gazzetta tat ħarsa lejn il-Kodiċi tal-Etika tal-Ispiżjara, ppublikata mill-Kunsill Malti għall-Ispiżjara. Dan jgħid li dawk li jiprattikaw din il-professjoni, kemm jekk ikollhom kuntatt dirett kif ukoll indirett mal-pazjenti, l-għan ewlieni tagħhom għandu jkun li jieħdu l-miżuri meħtieġa fl-aħjar interess u s-sigurtà tagħhom.

Apparti minn hekk huma għandhom jirrispettaw d-differenzi personali u kulturali flimkien mal-valuri u t-twemmin tal-pazjenti/klijenti u m’għandhomx jiġġudikaw jew jimponu t-twemmin fuqhom. 

“Il-professjonisti għandhom jitrattaw lil dawk kollha li jitolbu l-għajnuna għas-servizzi professjonali tagħhom b’konsiderazzjoni u kortesija professjonali.” Għaldaqstant, dawk l-ispiżeriji li jirrifjutaw li jbigħuha għandhom l-għażla li jagħmlu dan iżda imbagħad għandhom l-obbligu, għall-aħjar interess tal-klijenti, li jirreferuhom għal spiżeriji oħra li għandhom il-MAP.

Fil-fatt, fl-eżerċizzju li wettqet din il-gazzetta tliet snin ilu, dawk li rrifjutaw li jbigħuha offrew lista ta’ spiżeriji oħra li dak li jkun jista’ jinqeda mingħandhom. 

Fake news! L-MAP ma tikkawżax l-infertilità…

Diversi ġurnali mediċi fosthom dak tal-International Consortium for Emergency Contraception qablu li t-teħid tal-MAP ma jikkawżax effetti sekondarji perikolużi għall-ġisem, b’mod partikolari l-infertilità. Minn naħa l-oħra t-tobba xorta ma jirrakkomandawx użu frekwenti tagħha. Dan għaliex mhix effettiva biex tipprevjeni t-tqala daqs kontraċettivi oħra fosthom il-kondoms, il-pillola kontraċettiva u l-IUDs. 

Apparti minn hekk filwaqt li tgħin biex tipprevjeni t-tqala din ma tipprevjenix mard trażmess sesswalment bħal-klamidja, l-herpes u l-gonorrea. 

L-Għaqda Dinjija għas-Saħħa (WHO) tgħid ukoll li m’għandha ebda effetti sekondarji li jinħassu maż-żmien. Twissi iżda li użu regolari jista’ jkun li jwasslu għal effetti sekondarji ordinarji (bħal kull mediċina oħra), li jkunu aktar frekwenti. 

Uħud minn dawn l-effetti jinkludu d-dardir, uġigħ ta’ ras u tibdil fiċ-ċiklu menstruwali fost oħrajn. 

Minkejja dan kollu hija xorta tirrakomanda li persuna tista’ tieħu aktar minn MAP waħda f’ċiklu menstruwali wieħed. 

Xi tobba saħqu li hemm ċans li fuq nisa obeżi l-MAP ma tkunx effettiva. Madankollu, Doctors for Choice l-Għaqda mhux Governattiva (NGO) favur id-drittijiet riproduttivi tal-mara, kienet qalet li f’ċertu każi ta’ MAP, fosthom l-Levonelle, dawn jistgħu jieħdu doża doppja. Mil-lat ta’ EllaOne jidher li ma hemmx għalfejn. Dawn iż-żewġ ditti huma ditti lokali li wieħed isib mill-ispiżeriji Maltin u l-prezzijiet ivarjaw bejn €15 sa €40. 

Ħafna jinkwetaw ukoll li għal dawk li diġà huma tqal u jkunu għadhom ma jafux jista’ jwassal għal abort. Madankollu diversi tobba internazzjonali stqarru li dan mhux possibli. 

L-ispiża ta’ kontraċettivi b’xejn huwa investiment għal ekonomija aktar b’saħħitha? 

Diversi riċerkaturi innotaw li permezz ta’ aktar aċċessibilità għall-kontraċettivi, l-ekonomija tisaħħaħ aktar. Dan huwa evidenti aktar f’pajjiżi bi dħul baxx fosthom iż-Żambja, fil-lvant tal-Afrika.

Sas-sena 2020, l-istatistika kienet tindika li kważi terz tal-popolazzjoni feminili kienu jinqabdu tqal fl-età ta’ 20 sena. Studji bbażati fuq deċenji juru li meta jkun hemm programmi ta’ family planning, in-nisa għandhom bejn 5% u 35% inqas ċans li jkollhom it-tfal.  

Apparti minn hekk meta n-nisa jingħataw kontraċettivi affordabbli jew b’xejn ikollhom aktar ċans li jipparteċipaw fid-dinja tax-xogħol u aktar għażla għall-impjieg. Studji jindikaw ukoll li jekk dawn l-istess nisa aktar ‘il quddiem ikollhom it-tfal, dawn ukoll ikollhom aktar opportunitajiet. Dan għaliex ma jkunux twieldu f’ambjent bi dħul baxx u għaldaqstant jirċievu aktar opportunitajiet ta’ edukazzjoni tajba u sussegwentement impjieg tajjeb. 

Dan kien evidenti wkoll fi studju li sar fl-Istati uniti fl-1960. Ulied nisa li kellhom aċċess għall-kontraċettivi kellhom 3% aktar fi dħul tal-familja u 7% inqas ċans li jispiċċaw f’faqar. 

Studju bl-isem ta’ Profamilia li sar fil-Kolombja saħansitra indika li nisa li ngħataw aċċess għall-kontraċettivi meta kienu għadhom relattivament żgħar kellhom ċans 7% aktar li jiġu mpjegati f’negożji rreġistrati. 

Madankollu, studji minn madwar id-dinja jissuġġerixxu li kull pajjiż jeħtieġ qafas differenti fuq il-kontraċettivi u dan jiddependi mill-post u l-kultura. 

X’ipproponew partiti oħra fuq il-kontraċettivi? 

Il-Partit Nazzjonalista: ​

Il-PN ippropona li jipprovdi l-MAP u kondoms b’xejn lil żgħażagħ ta’ 16-il sena u aktar fl-iskejjel sekondarji, l-Univeristà u skejjel oħra, postijiet ta’ divertiment, ċentri tas-saħħa u sptarijiet pubbliċi. 

Volt Malta

Il-Partit ġdid ippropona li jiġu integrati kontraċettivi ormonali fl-iskema tal-Pharmacy of Your Choice (POYC). Dan apparti li fil-manifest tagħhom l-partit ipporopona li l-kondoms għandhom ikunu aċċessibli u b’xejn fl-iskejjel terzjarji bħal Junior College u l-Univeristà, il-Higher Secondary u l-MCAST fost oħrajn. 

ADPD

Dan il-Partit ippropona li l-kontraċettivi kollha, inkluż il-morning after pill jitqassmu għall-pubbliklu b’xejn mis-servizz nazzjonali tas-saħħa. 

More in Politika