'Qabel il-Gvern kien jgħid li l-iSLAPPs kienu kontra l-liġi Ewropea' - tfakkar Repubblika

Repubblika tilqa' l-proposta tad-direttiva kontra l-iSLAPPs biex tipproteġi l-ġurnalisti minn sentenzi li ġejjin minn pajjżi terzi u anke minn pajjiżi Ewropej

Repubblika tesprimi apprezzament għar-rimarki tal-Viċi President tal-Kummissjoni Ewropea Vera Jourova waqt li llum ħabbret direttiva ġdida Ewropea biex ġurnalisti jkunu protetti minn min jabbuża mil-liġijiet dwar il-libell biex joħonqu l-libertà tal-istampa u d-dritt taċ-ċittadini li jkunu infurmati. Repubblika tgħid li din id-direttiva hi pass ta’ fejda għal-libertà tal-espressjoni f’Malta u fl-Ewropa. "Fejn qabel il-gvern Malti kien jgħid li l-protezzjoni tal-ġurnalisti mill-kawżi SLAPP kien ikun kontra l-liġi Ewropea, issa l-liġi Ewropea qed tobbligah jintroduċi din il-protezzjoni," kompliet tgħid Repubblika. 

Il-Viċi President Jourova irrimarkat li d-direttiva proposta hi frott wegħda li għamlet lill-familja ta’ Daphne Caruana Galizia li meta nqatlet kienet qed tiddefendi kważi ħamsin kawża ċivili jew kriminali ta’ libell. Dan minbarra theddid u kawża kontriha magħmulha barra minn Malta.

Repubblika tgħid li "meta nqatlet Daphne, l-abbuż tal-qrati minn min ried jaħbi l-verità u t-theddid lill-ġurnalisti ma kienx fuq l-aġenda tal-Unjoni Ewropea." Repubblika ttenni l-ammirazzjoni tagħha għad-deċiżjoni u l-ħidma tal-membri tal-familja ta’ Daphne Caruana Galizia li "filwaqt li fittxew ġustizzja għall-qtil tagħha, fittxew ukoll li jkunu mħarsa l-ġurnalisti kollha b’mod li Daphne ma kinitx." 

Din l-għaqda tgħid li r-rakkomandazzjonijiet tal-Kummissjoni Ewropea jirriflettu talbiet li ilha tagħmel is-soċjetà ċivili Maltija għal snin u li "l-Gvern għadu s’issa jinjora." 

Fl-aħħar Repubblika titlob lill-Gvern għal djalogu mas-soċjetà ċivili u mar-rappreżentanti tal-ġurnalisti biex jiġu adottati dawk il-miżuri kollha li permezz tagħhom "kienu jevitaw li tinqatel Daphne Caruana Galizia u li huma meħtieġa biex jipproteġu lill-ġurnalisti, pilastri tad-demokrazija tagħna." 

More in Politika