'Jekk il-pulizija temmen li Caruana Galizia nqatlet minħabba l-korruzzjoni għaliex ħadd għadu ma tressaq?'

Repubblika tgħid li issa ż-żmien li tieqaf l-impunità u li persuni involuti f'reati kriminali serji 'jieħdu dak li ħaqqhom'

Ritratt mill-Arkivji | Il-President ta' Repubblika Robert Aquilina
Ritratt mill-Arkivji | Il-President ta' Repubblika Robert Aquilina

Illum l-għaqda Repubblika marret il-Belt Valletta u l-President tagħha Robert Aquilina saħaq li issa għadda wisq żmien u persuni li wettqu, kienu kompliċi jew iffaċilitaw reati kriminali serji, bħalma huma l-korruzzjoni u l-qtil ta' Daphne Caruana Galizia, għadhom ma' tressqux quddiem il-Qrati ta' Malta biex "jieħdu dak li ħaqqhom skont il-liġi." 

Repubblika waħħlet tmien ritratti mal-faċċata tal-Qorti u dawn kienu ta' Carmelo Abela, Keith Schembri, Yorgen Fenech, Joseph Muscat, Chris Cardona, Konrad Mizzi, Edward Scicluna, l-eks kummissarju tal-Pulizija Lawrence Fenech u Silvio Valletta. Aquilina qal li kellhom jagħmlu dan il-pass hekk kif erba' snin u nofs wara l-assassinju ta' Daphne Caruana Galizia, dawn il-persuni għadhom ma tressqux quddiem il-Qorti.

"M'aħniex se nħallu dawn l-umiljazzjonijiet jibqgħu għaddejin qisu mhu qiegħed jiġri xejn. Dalgħdu ħadna l-inizjattiva aħna u peress li ma nistgħux inġibu lilhom hawn, ġibna ritratti tagħhom. Waħħalna r-ritratti ta' dawn in-nies li, għal raġunijiet ħżiena, m'għandhom bżonn l-ebda introduzzjoni," qal Aquilina.

Għadna hawn nistennew li jibdew il-prosekuzzjonijiet fil-Qorti kontra l-persuni involuti fl-iskandli ta' korruzzjoni, li ġraw wara l-assassinju, li tagħhom kienu protagonisti fost l-oħrajn, politiċi u persuni li kienu jokkupaw - u uħud minnhom għadhom jokkupaw - karigi pubbliċi. Robert Aquilina

Huwa kompla jgħid li dan għamluh biex il-poplu ma jinsiex li erba' snin u nofs ilu wara l-qtil ta' Daphne Caruana Galizia għadu ma tressaq  ħadd dwar il-korruzzjoni li waslet għall-qtil tagħha. Aquilina jgħid ukoll li filwaqt li l-pulizija ressqet lil Yorgen Fenech u akkużatu bl-assassinju, sa' issa ma għadhom ressqu lil ħadd inkluż lill-istess Fenech dwar il-mottivi tal-assassinju, jiġifieri l-korruzzjoni.

Jgħid li Repubblika marret fuq il-post biex twassal messaġġ, "b'mod speċjali lil dawk li waħħalna mal-grada", li se tibqa' tiġri wara l-istituzzjonijiet tal-pajjiż biex jaqdu dmirhom, biex issir il-ġustizzja li għandha ssir fir-rigward ta' dawn l-individwi u biex kull wieħed jieħu dak li ħaqqu.

'Għalxejn jaljenaw lill-poplu għax aħna se nibqgħu nesiġu li ssir ġustizzja kontra dawk kollha marbutin ma' 17 Black' 

Aqulina staqsa, "jekk il-pulizija temmen li Caruana Galizia inqatlet minħabba l-korruzzjoni għaliex għadu ma tressaq assolutament ħadd fuq din il-korruzzjoni?"

Huwa qal li l-messaġġ ta' Repubblika huwa li jsiru kemm isiru tentattivi biex "inessu u jaljenaw lill-poplu" se jibqgħu jesiġu li ssir l-ġustizzja kontra l-poltiċi u dawk kollha responsabbli mal-kumpanija 17 Black. Kien hawn li huwa fakkar il-kuntratt tal-electrogas, il-kuntratt tal-windfarms tal-Montenegro, il-kuntratt tal-bejgħ tat-tliet sptarijiet pubbliċi, dwar il-bank Pilatus u dwar il-korruzzjoni li nkixfet permezz tal-Panama Papers fost l-oħrajn. 

Żied jgħid li mhux se jaċċetta sitwazzjonijiet simili bħal dik li assistejna għaliha jumejn ilu, "meta l-prosekutur ewlieni tal-Unjoni Ewropea żvelat li ħadd mill-Istituzzjonijiet tagħna mhu qed jinvestiga reati finanzjarji li jaqgħu taħtha."  

Huwa saħaq li ma jistax ikun li f'dawn is-snin kollha l-Pulizija u l-Avukat Ġenerali Victoria Buttiġieġ għadhom ma rnexxilhomx jibnu lanqas każ wieħed kontra ħadd minn dawn il-persuni. "Ma jistax ikun li mill-evidenza kollha li rajna mill-ġurnali, wara li d-dinja kollha rat l-ikbar evidenza li qatt stajna naraw - il-bomba li qatlet lil Caruana Galizia - fil-Qorti jibqa' ma jitressaq ħadd dwar din il-korruzzjoni," qal Aquilina. 

'Minflok għamlu dmirhom lejn pajjizna, marru jieklu l-fenek u jixxalaw' 

Aquilina jisħaq li l-Kummissarju Gafa u l-Avukat ġenerali Buttiġieġ, qed iżommu lura milli jaqdu dmirhom anke wara li jkunu ngħalqu inkjesti maġisterjali. Huwa rrefera għall-inkjesta ta' Pilatus bank li ngħalqet aktar minn sena ilu u li rrakomandat li jittieħdu passi konta Ali Sadr u l-inkjesta Egrant li rrakomandat li jittieħdu passi kontra l-accountant ta' Nexia BT, Karl Cini.  

Ilna ninsistu u fiż-żmien li ġej se nkomplu ninsistu mal-Kummissarju u mal-Avukat Ġenerali biex jieqfu jabdikaw mir-responsabilitajiet u mid-doveri tagħhom. Ma rridux nisimgħu b'aktar skużi, rridu naraw aktar riżultati fil-Qrati tagħna

Huwa kompla jgħid li ċertu uffiċjali pubbliċi minflok għamlu dmirhom lejn pajjizna, "marru jieklu l-fenek u jixxalaw ma' min suppost kellhom jinvestigaw. Dawn huma xeni li konna naraw fil-films tal-Mafia. M'aħniex se naccettaw li jibqa' għaddej iz zmien u ma jwiegeb ħadd hawn fil-Qorti għall-għaġir tiegħu." 

Fl-aħħar huwa temm jgħid li din l-impunità hemm bżonn li tieqaf, "hawn min għandu interess u beda kampanja manipulattiva biex il-ġustizza ma ssirx. Aħna ddeterminati aktar minn qatt qabel li l-ġlieda tagħna nkompluha."

More in Politika