Ir-rata ta' faqar fost iż-żgħażagħ Maltin hija ħafna aktar baxxa minn dik ta' stati membri oħrajn fl-UE

Il-persentaġġ ta' żgħażagħ li jinsabu f'faqar u li jgħixu mal-ġenituri naqas b'50% fi żmien tmien snin

Ir-rata ta’ żgħażagħ meqjusa vulnerabbli f’Malta u li jinsabu f'faqar, kemm dawk li jgħixu mal-ġenituri u oħrajn li jgħixu għal rashom f'Malta, hija aktar baxxa mir-rata' mqabbla ma’ żgħażagħ minn stati membri tal-Unjoni Ewropea (UE).

Filwaqt li r-rata ta' faqar fost iż-żgħażagħ fl-UE kienet ta' 17.8% għal dawk li jgħixu mal-ġenituri u 25.9% li jgħixu għal rashom, f'Malta dawn kienu ta' 10.6% u 8.7% rispettivament. Ir-rata ta' dawk li jgħixu mal-ġenituri naqset bin-nofs fuq tmien snin, filwaqt li r-rata ta' dawk li jgħixu għal rashom naqset marġinalment. 

Statistika oħra ppublikata mill-Eurostat titfa’ dawl fuq dawk iż-żgħażagħ li għandhom intensità baxxa ta’ xogħol (low work intensity) fis-27 stat membru tal-EU. Jirriżulta li l-persentaġġ ta’ żgħażagħ ta’ bejn is-16 u d-29 sena li jaħdmu inqas minn tmien sigħat fil-ġimgħa u li għadhom jgħixu mal-ġenituri tagħhom huwa 8.8% tal-popolazzjoni totali tal-istati membri. Min-naħa l-oħra, dawk li jgħixu għal rashom u jaħdmu ftit sigħat (b'intensità tax-xogħol baxxa) kienu 18.1%. 

Madankollu dawn il-figuri huma kemmxejn kuntrastanti mal-persentaġġi ta' Malta b'4.8% ta' dawk li jgħixu mal-ġenituri tagħhom u jaħdmu inqas minn tmien siegħat fil-ġimgħa u 2.3% ta' żgħażagħ li jgħixu għal rashom b'intensità tax-xoghħol baxxa. Dan ifisser li l-proporzjon ta’ żgħażagħ Maltin li jgħixu f’ambjent fejn l-intensità tax-xogħol hi baxxa, huwa żgħir. Dan joħroġ l-aktar evidenti fost dawk iż-żgħażagħ li jgħixu għal rashom f’Malta.

Dawn il-persentaġġi naqsu wkoll b'mod konsiderevoli mill-2012 sa' issa, bejn 2.6% u 6.4%, skont jekk jgħixux mal-ġenituri jew le. 

Intant kien hemm ukoll xejra pożittiva fir-rata tal-faqar u l-esklużjoni f’Malta mqabbla ma’ dik Ewropea. Waqt li r-rati għal żgħażagħ fl-UE kienu 24.2% u 39.9%, skont jgħixux mal-ġenituri jew le, l-istess rati f’Malta kienu 13.3% u 10.1% rispettivament. Il-persentaġġ ta’ dawn iż-żgħażagħ niżel b’madwar 7% fiż-żewġ każijiet mill-2012.

“Ir-riżultati huma tassew inkoraġġanti u jirriflettu l-isforzi tal-gvern biex joħloq opportunitajiet ta’ impjiegi b’mod li ż-żgħażagħ Maltin ma jbatux mil-livelli għolja ta’ qagħad li jeżistu f’pajjiżi oħra”, qal il-Ministru għall-Politika Soċjali u d-Drittijiet tat-Tfal Michael Falzon.

Il-Ministru Michael Falzon qal li dawn ir-riżultati ġew wara d-dħul ta’ numru ta’ inċentivi tal-gvern li jinċentivaw ix-xogħol bħall-in-work benefit u bħat-tapering of benefits.

Jgħid li s-suċċess tal-iskema tal-in-work benefit, flimkien mal-espansjoni mgħaġġla fil-ħidma ekonomika, ikkontribwixxa wkoll għal tnaqqis fir-rata ta’ ċaħda materjali severa fost iż-żgħażagħ.

Skont il-Eurostat, waqt li fl-UE din ir-rata ta’ ċaħda materjali fil-każ ta’ żgħażagħ li jgħixu mal-ġenituri kienet 7.4%, f’Malta kienet biss 2.3%, waqt li r-rata fost dawk li ma jgħixux mal-ġenituri kienet 7.3% fl-UE mqabbla ma’ 3.0% f’Malta. Ir-rati f’Malta naqsu bejn 8% u 4.7% perċentwali rispettivament matul tmien snin. Intant it-tapering tal-benefiċċji wassal biex tnaqqsu mal-10,000 ruħ mid-dipendenza soċjali.

More in Politika