Il-KE tagħti xaharejn ċans lil Malta biex tiġġustifika l-iskema tal-bejgħ tal-passaporti

Il-KE qed tgħid li l-iskema ta' Malta tikser il-liġi tal-UE u tinsisti li jekk ir-risposta ta' Malta ma tkunx sodisfaċenti se tkun qed tipproċedi b'każ quddiem il-Qorti Ewropea għall-Ġustizzja

Illum, il-Kummissjoni Ewropea bagħtet twissi lil Malta li għandha ċans xahrejn biex twieġeb għall-mistoqsijiet tagħha dwar l-iskema taċ-Ċittadinanza b’Investiment. Jekk it-tweġiba ma tkunx sodisfaċenti, il-Kummissjoni Ewropea qed twissi lil Malta li se tieħu l-każ quddiem il-Qorti Ewropea għall-Ġustizzja.

Fl-ittra mibgħuta lill-Gvern Malti llum, il-Kummissjoni Ewropea saħqet li l-fatt li Malta qed tbigħ il-passaport tagħha għal pagament jew inkella investiment mingħajr ma jkun hemm rabta ġenwina bejn min qed jixtri u l-pajjiż, ifisser li Malta “qed tikser il-liġi tal-Unjoni Ewropea.” 

“L-iskema ta' ċittadinanza b'investiment timmina l-essenza taċ-ċittadinanza tal-UE, u għandha implikazzjonijiet għall-Unjoni b'mod ġenerali. Kull persuna li għandha ċ-ċittadinanza ta' Stat Membru tal-UE hija fl-istess ħin ċittadin tal-UE. Iċ-ċittadinanza tal-UE awtomatikament tagħti d-dritt għall-moviment liberu, l-aċċess għas-suq intern tal-UE, u d-dritt li tivvota u li tiġi eletta fl-elezzjonijiet Ewropej u lokali. Ir-riskji inerenti ta' skemi bħal dawn ġew enfasizzati fil-kuntest tal-aggressjoni Russa kontra l-Ukrajna,” saħqet il-Kummissjoni l-ittra tagħha.

Fil-fatt, il-Kummissjoni qed tisħaq li l-istati membri li għadhom iħaddmu skemi ta' ċittadinanza b'investiment jeħtieġ li jtemmuhom immedjatament. 

Fakkret kif fl-20 ta’ Ottubru 2020, il-Kummissjoni kienet diġà bagħtet ittra ta’ avviż formali lil Malta fejn talbet li tittermina l-iskema tagħha ta' ċittadinanza b'investiment u sussegwentement bagħtet avviż formali ieħor fid-9 ta' Ġunju 2021, wara l-introduzzjoni ta' skema ġdida minn Malta fi tmiem l-2020.

Malta dan l-aħħar issospendiet din l-iskema l-ġdida għaċ-ċittadini Russi u Belarussi wara l-invażjoni Russa tal-Ukrajna. 

“Filwaqt li dan kien pass pożittiv, Malta qed tkompli tħaddem l-iskema għaċ-ċittadini l-oħra kollha u ma esprimiet l-ebda intenzjoni li twaqqafha. Il-Kummissjoni tqis li tali skema tikser il-prinċipju ta' kooperazzjoni sinċiera u tikser l-istatus innifsu taċ-ċittadinanza tal-Unjoni kif stabbilit fit-Trattati. Għalhekk, il-Kummissjoni ddeċidiet li llum tibgħat opinjoni motivata lil Malta,” kompliet tispjega.

Malta issa għandha xahrejn biex twieġeb għall-opinjoni motivata tal-Kummissjoni. Jekk it-tweġiba ma tkunx sodisfaċenti, il-Kummissjoni tista' tippreżenta dan il-każ quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea.

F'Ottubru 2020, il-Kummissjoni kienet bdiet ukoll proċedura ta' ksur kontra Ċipru għall-iskema tiegħu ta' ċittadinanza b'investiment. Ċipru ħassar l-iskema tiegħu u ma baqax jirċievi applikazzjonijiet ġodda fl-1 ta' Novembru 2020. Madankollu, kompla jipproċessa l-applikazzjonijiet pendenti. Għalhekk, il-Kummissjoni ddeċidiet li tibgħat opinjoni motivata lil Ċipru fid-9 ta' Ġunju 2021. Minn dak iż-żmien 'l hawn, Ċipru waqaf jipproċessa l-applikazzjonijiet u, mill-15 ta' Ottubru 2021, irrevoka ċ-ċittadinanza ta' 39 investitur. Il-Kummissjoni qed tivvaluta bir-reqqa s-sitwazzjoni f'Ċipru qabel ma tiddeċiedi dwar il-passi li jmiss.

Il-Kummissjoni kienet ukoll f'kuntatt mal-Bulgarija, biex tenfasizza t-tħassib tagħha rigward skema ta' ċittadinanza b'investiment imħaddma minn dan l-Istat Membru. Fl-24 ta' Marzu 2022, il-Parlament Bulgaru approva emenda għall-Att dwar iċ-Ċittadinanza Bulgara, li għandha l-għan li ttemm l-iskema taċ-ċittadinanza b'investiment.

More in Politika