Arrigo jħabbar li mhux se jerġa' jikkontesta għal Viċi Kap u għall-ebda kariga oħra fil-PN

Robert Arrigo mhux se jerġa' jikkontesta għall-kariga li kien elett fiha mit-tesserati fl-2017

Robert Arrigo llejla ħabbar li mhux se jkun qed jikkontesta għall-kariga ta' Viċi Kap tal-Partit Nazzjonalista u mhu se jkun qed jikkontesta għall-ebda kariga oħra fil-PN. Arrigo kien ġie elett bil-voti tat-tesserati Nazzjonalisti fl-2017, ftit wara li kien elett Kap tal-PN Adrian Delia u flimkien miegħu kien elett ukoll David Agius. 

Arrigo - li mhux xi sigriet li kien qed jaħdem sabiex Adrian Delia jibqa' Kap tal-PN fl-2020 u li inċidentalment kien maġenbu llejla wkoll - qal fuq l-istazzjon tal-Partit Nazzjonalista li  jħossu sodisfatt illi tal-età ta' 67 sena, wara li ġie elett f'erba' elezzjonijiet konsekuttivi, għadu jsib appoġġ kontinwu mingħand elettorat u l-poplu ġenerali "u dan jidher biċ-ċar wara li ġejt elett miż-żewġ distretti li fihom ikkontestajt f'din elezzjoni. Nispera li l-Partit jasal biex jifhem x'ġara u kif jeħtieġ nimxu 'l quddiem," qal Robert Arrigo. 

Arrigo huwa wkoll wieħed mill-veterani fil-Partit Nazzjonalista, huwa Slimiż u kien popolari ferm fid-Distrett, popolarità li naqset f'din l-elezzjoni hekk kif il-Kandidat il-ġdid Joe Giglio rnexxielu jiġri b'kull kandidat Nazzjonalista ieħor kemm fuq id-Disa' kif ukoll fuq l-10 Distrett. 

More in Politika