'Il-każ Kostituzzjonali tal-PN kontra l-PBS għadu rilevanti u r-riżultat elettorali ma jagħmilx differenza'

L-Avukati Paul Borg Olivier u Francis Zammit Dimech li qed jidhru għall-PN ifakkru li l-iżbilanċ politiku li jgħidu li hemm fl-istazzjon nazzjonali se jibqa' jaffetwa ħażin lill-PN, elezzjoni jew le...

L-avukati li qed jirrapreżentaw lill-Partit Nazzjonalista fil-każ Kostituzzjonali li l-Oppożizzjoni Nazzjonalista fetħet kontra l-PBS qalu illi tali każ għadu rilevanti minkejja li għaddiet l-elezzjoni għaliex sostnew li l-iżbilanċ politiku f'dan l-istazzjon xorta se jibqa' jaffetwa lill-PN. 

Hekk kif bdiet is-seduta llum l-Avukat u Professur Ian Refalo qal illi l-każ kien inqas urġenti ladarba l-elezzjoni kienet għaddiet iżda l-avukat tal-PN Paul Borg Olivier - li qed jidher għall-istess partit ma' Francis Zammit Dimech - argumenta illi d-daqs ta' maġġoranza elettorali hija immaterjali għall-każ u kkritika lill-Awtorità tax-Xandir li akkużaha illi qed tipprova ttawwal il-każ kemm jista' jkun. 

Il-Professur Refalo informa lill-Qorti illi l-Awtorità se tkun qed turi għandhiex iktar evidenza jew le fil-każ bl-Avukat Edward Gatt - li deher għall-PBS, flimkien mal-Avukat Mark Vassallo - jgħid li l-PBS ma għandux aktar evidenza xi jressaq. 

Il-każ tal-PN infetaħ ukoll kontra l-Ministru Carmelo Abela li sa dak iż-żmien kien responsabbli mill-PBS, iżda li llum huwa bla portafoll u għalhekk l-avukati qed jistaqsu sabiex ikunu jistgħu jimmodifikaw dan wara l-iżviluppi politiċi tal-aħħar ġimgħat. 

 

More in Politika