Daqshekk maskri fil-klassi u avvenimenti barra lura għan-normal fost restrizzjonijiet oħra rilaxxati

It-tieni booster se jkun disponibbli għal persuni vulnerabbli fuq bażi volontarja

Permezz ta' telefonata fuq il-programm TVAM, il-Ministru għas-Saħħa Chris Fearne ħabbar li aktar restrizzjonijiet ġew rilaxxati fosthom it-tneħħija tal-maskri mill-klassijiet.

Id-Deputat Prim Ministru qal li l-istat se jara t-tneħħija ta' diversi restrizzjonijiet fl-iskejjel, avvenimenti fil-beraħ, u l-ivvjaġġar. Barra minn hekk, it-tieni booster se jkun disponibbli wkoll għal nies vulnerabbli, filwaqt li l-self-testing se jsir legali.

Klassijiet, avveniment fuq barra u vjaġġar...

Mit-13 ta' April, propju wara l-vaganzi tal-Għid, tfal fl-iskejjel mhux se jibqgħu obbligati jilbsu l-maskri iżda huma mħeġġa jagħmlu dan xorta waħda biex jipproteġu ruħhom. 

Mill-Ħadd ta' qabel, mill-10 ta' April, l-avvenimenti bil-wieqfa fil-beraħ jistgħu jsiru mingħajr mal-organizzaturi jkollhom jitolbu għal ċertifikat tal-vaċċin aġġornat, u mingħajr ebda limitu fuq in-numru ta’ nies.Minkejja dan il-persuni li se jattendu avvenimenti bil-wieqfa fuq ġewwa xorta jkollhom bżonn ċertifikat validu tat-tilqim.

Mit-Tlieta 12 ta' April, persuni li jivvjaġġaw lejn Malta minn pajjiżi fuq il-lista l-ħamra se jitħallew jagħmlu dan b’test tal-PCR negattiv (fl-aħħar 72 siegħa) jew ċertifikat ta’ rkupru (mhux aktar minn 180 jum).

Minn din il-ġimgħa, self-testing se jsir legali. Dan se jkun qed ifisser li persuna se jkollha l-għażla illi tittestja għall-virus fil-kumdità ta' darha stess, u tidħol fi kwarantina biss meta tiltaqa' ma' riżultat pożittiv..

It-tieni booster se jkun disponibbli għal persuni vulnerabbli

It-tieni booster se jiġi offrut lill-persuni vulnerabbli, partikolarment dawk fid-djar tal-anzjani li huma aktar fiċ-ċans li jkollhom kumplikazzjonijiet mill-infezzjoni. Madankollu, dan se jsir fuq bażi volontarja.

More in Politika