'Ir-restrizzjonijiet li għad fadal fuq l-ivvjaġġar għandhom jitneħħew kemm jista' jkun malajr'

Tony Zahra jgħid li l-prospetti għat-turiżmu dan is-sajf "huma pożittivi ħafna" u għalhekk ukoll huwa urġenti li l-aħħar restrizzjonijiet li għad fadal jitneħħew...

L-Assoċjazzjoni Maltija tal-Lukandi u Ristoranti (MHRA) qed tappoġġja għajtiet sabiex jitneħħew l-aħħar restrizzjonijiet li għad fadal f'dak li jirrigwarda l-qasam tal-ivvjaġġar. Filwaqt li l-MHRA qalet illi qed tirrikonoxxi l-attentati kollha tal-awtoritajiet sabiex il-pandemija tkun immaniġġjata bl-aħjar mod possibbli qalet ukoll illi t-tneħħija tar-restrizzjonijiet sa issa, ma kinitx biżżejjed biex tkun riflessjoni tal-aħħar żviluppi fil-qasam. 

Il-President tal-MHRA Tony Zahra qal illi r-restrizzjonijiet kif inhuma ma jnaqqsu xejn mit-tixrid tal-Covid-19 imma minflok "jikkumplikaw l-ħidma ta' diversi operaturi li twassal għal ineffiċjenzi u anke ittardjar fl-ajruport."  Zahra qal illi fl-aħħar xhur, "qed naraw ekonomiji jiftħu. Wasal iż-żmien li restrizzjonijiet li mhumiex effettivi jitneħħew u n-nies ikunu jistgħu jivvjaġġaw b'mod liberu," qal Zahra. 

L-MHRA tirrijafferma illi turisti qed ifittxu destinazzjonijiet siguri li joffru passaġġ faċli, bl-inqas reżistenza u minkejja li Malta hija destinazzjoni sigura - bl-ammont ta' tilqim li sar - għadu qed jitqies illi hemm reżistenza għal numru ta' persuni li qed jipprovaw jidħlu Malta. "Din is-sitwazzjoni għadha qed timpatta b'mod negattiv l-irkupru, minkejja li l-prospetti għal tkabbir fil-qasam turistiku għadhom pożittivi ħafna," tgħid l-MHRA. 

Zahra jtemm ifakkar li l-gwerra fl-Ukrajna ħolqot sitwazzjoni fejn pajjiżi bħal Ċipru u t-Turkija li jiddependu ħafna minn turisti Russi qed jikkonċentraw fuq il-bżonn li jġibu turisti minn swieq oħrajn u għalhekk fakkar li dan se jfisser li nistennew kompetizzjoni pjuttost ħarxa. "Dan ifisser li aktar u aktar hemm bżonn illi nneħħu dawn ir-restrizzjonijet kemm jista' jkun malajr." 

More in Politika