€40 miljun biex l-impjant ta' San Luċjan jiġi riġenerat fi spazju għar-rikreazzjoni u innovjazzjoni

Dan il-proġett se jkun qed iservi bħala hub uniku, fiċ-ċentru tal-Mediterran għar-riċerka u innovazzjoni għal industriji ġodda bħal dawk tal-akwakultura, l-ekonomija blu u l-ekonomija ċirkolari

Il-Ministru għall-Enerġija, l-Intrapriża u l-Iżvilupp Sostenibbli Miriam Dalli f'konferenza tal-aħbarjiet ħabbret proġett ta’ €40 miljun biex l-impjant ta’ San Luċjan li jinsab fil-Qajjenza ġewwa Birżebbuġa, li kien jintuża għall-ħażna taż-zejt, jiġi riġenerat f’żona ta' faċilitajiet ta’ rikreazzjoni għall-familji kollha u attrazzjoni ta’ investiment f’niċeċ ġodda.

Bl-isem ta' 'Is-Siċċa' dan il-proġett se jsir permezz ta' investiment ta' €40 miljun u se joffri aktar minn 18,000 metru kwadru ta' rikreazzjoni biex jingħata nifs ġdid lin-naħa ta' isfel ta' Malta b'mod speċjali l-Qajjenza, Birżebbuġa u Marsaxlokk. Il-proġett se jkun qed iservi wkoll bħala hub uniku, fiċ-ċentru tal-Mediterran għar-riċerka u innovazzjoni għal industriji ġodda bħal dawk tal-akwakultura, l-ekonomija blu u l-ekonomija ċirkolari. 

Il-Ministru saħqet li f'Marzu tas-sena 2021, ingħata bidu għall-proċess amministrattiv u regolatorju mal-awtoritajiet biex is-sit ma' jibqax jintuża għall-ħażna tal-Heavy Fuel Oil. Dan ifisser li s-sit m'għadux jaqa' taħt id-direttiva ta' Seveso u għalhekk m'għadux meqjus bħala faċilita perikoluża. Dan filwaqt li, kien hemm diskussjonijiet mal-Awtorita għall-Ambjent u r-Riżorsi, l-ERA, dwar method statement, biex b’hekk hemm qbil ta’ kif se jkunu qed jiżżarmaw it-tankijiet sabiex l-art tigi ippreparata għal dan il-proġett.

“Is-Siċċa huwa proġett li mhux biss se jneħħi sit ta’ industrija li tniġġes, minn nofsinhar ta’ Malta, iżda huwa proġett innovattiv li se jkun qed jilħaq il-miri tas-sostenibilità: proġett li se jkun qed jiġġenera attività ekonomika ta’ kwalità, b’impatt pożittiv fuq l-ambjent imma fuq kollox għas-soċjetà tal-madwar,” spjegat il-Ministru Miriam Dalli.

Intant, is-Siċċa se joffri spazji miftuħa għal startups b'diversi servizzi u riżorsi għal impredinturi fil-qasam ta’ sostenibilità u l-innovazzjoni, incubation centres għal industrija l-ħadra u spazji allokati għal faċilitajiet edukattivi. L-ispazju allokat għall-industrija u l-manifattura f’dan is-sit se jkun ta’ 7%. Minn naħa l-oħra, l-ispazju allokat għal użu rikreattiv u spazji pubbliċi huwa ta’ aktar minn 50%.

"Ridna proġett li apparti li jilqa' fih proġetti ta' ekonomija sostenibbli, jgħina nbiddlu l-istatus quo fid-diżinn tal-bini u jgħina wkoll nagħmlu l-qabża kif inħarsu lejn l-ambjent mibni f'pajjiżna. Permezz tas-Siċċa qed nimmiraw li noffru post li jilqa' fih proġetti sostenibbli filwaqt li se jibddel il-passaġġ ta' din iż-żona għax qed inbiddlu l-impjant ta' San Luċjan minn dak ta' llum għal wieħed aħdar u ambjentalment pożittiv," spjegat Dalli. 

Il-proġett ġie ddiżinjat mill-kumpanija tal-perizja b’fama internazzjonali, Pininfarina b’diżinn innovattiv li mhux biss jikkumplimenta l-ambjent naturali tal-madwar imma juża miżuri naturali għal kundizzjoni ta’ klima aħjar fil-binja. Fil-fatt, il-proġett se jagħmel użu minn teknoloġija innovattiva sabiex tintlaħaq il-mira sa’ massimu ta’ 70% ta’ l-użu ta’ l-enerġija rinnovabbli u sistemi ta’ energija efficjenti.

More in Politika