Abela jikkonferma li kien mistieden ta' Joseph Portelli; Jiċħad li rċieva donazzjonijiet

Ilbieraħ mas-sit illum.com.mt il-Prim Ministru ċaħad li b'xi mod iddiskuta jew kellu xi sehem fid-deċiżjoni dwar il-proġett kontroversjali ta' Joseph Portelli f'Ta' Sannat u li għalih inħarġu l-permessi fl-aħħar jiem

Il-Prim Ministru Robert Abela kkonferma li aktar kmieni dan ix-xahar iltaqa mal-iżviluppatur Għawdxi Joseph Portelli madanakollu tenna dak li qal lis-sit illum.com.mt, jiġifieri li fl-ebda ħin ma ġie diskuss il-proġett kontroversjali f’Ta’ Sannat li l-permessi dwaru nħarġu fl-aħħar jiem.

Ilbieraħ, ma’ dan is-sit, kelliem għall-Prim Ministru ċaħad b’mod kategoriku li b’xi mod, Abela attenda għal xi laqgħa li matulha ġie diskuss dan il-proġett. Minkejja dan, fl-ebda ħin ma ċaħad li fil-ġranet li għaddew, il-Prim Ministru iltaqa’ mal-iżviluppatur. 

Fl-aħħar sigħat, rapporti żvelaw kif il-Prim Ministru kien “il-mistieden ewlieni” ta’ attività organizzata minn Portelli.

Abela llum ikkonferma li ltaqa’ ma’ Portelli imma insista li l-iżvilupp f’Ta’ Sannat ma kienx diskuss.

Ċaħad ukoll b’mod assolut li hu jew inkella xi uffiċjali tal-Partit Laburista rċevew xi donazzjonijiet waqt din l-attività.

Skont The Shitft News, l-attività seħħet fir-ristorant Ta' Frenċ fix-Xagħra ftit jiem biss qabel inħareġ il-permess għall-bini ta’ appartamenti ftit ‘il ġewwa mill-irdum f’Ta’ Sannat.

Kien dan li wassal lill-Kap Nazzjonalista biex fl-aħħar jiem beda jistaqsi lil Abela jekk b’xi mod kienx preżenti għal xi laqgħa ma’ Portelli u li matulha ġie diskuss dan il-proġett.

Madanakollu, il-Prim Ministru saħaq li din il-laqgħa ma kienet xejn differenti minn attivitajiet oħra li jkollu ma’ diversi persuni minn setturi varji. 

More in Politika