‘Il-Labour m’għadx għandu s-saħħa li kellu ... delegati u nies viċin il-PL se jivvotaw lilna’

Huwa l-Viċi Kap tal-Partit Nazzjonalista għall-Affarijiet tal-Parlament. Ħadem spalla ma’ spalla ma’ Adrian Delia imma baqa’ hemm u ħadem ukoll ma’ Bernard Grech. Il-gazzetta ILLUM tintervista lil David Agius

Fadal inqas minn ħmistax għall-Elezzjoni Ġenerali u għalhekk il-gazzetta ILLUM iltaqgħet mal-Viċi Kap tal-Partit Nazzjonalista għall-Affarijiet tal-Parlament, David Agius u miegħu tkellmet dwar dak kollu li għadda minnu l-PN fl-aħħar ħames snin, is-sondaġġi, il-proposti u anke l-futur tiegħu bħala parti mit-tmexxija.

Bdejna bir-riżultati li kiseb il-PN. Issa ilu mill-2009 ma jirbaħ elezzjoni u mill-2003 ma jikseb maġġoranza assoluta. Sadanittant kemm-il darba nbidel il-Kap. Agius stess ħadem taħt ħames kapijiet. L-ILLUM tistaqsih għaliex il-PN mhux jattira votanti ġodda u jekk jaħsibx li hemm problema aktar fonda milli sempliċiment it-tmexxija.

Agius saħaq li huwa fatt magħruf li f’kull elezzjoni, il-bażi tal-Partit Laburista minn dejjem kienet akbar minn dik tal-Partit Nazzjonalista u propju għalhekk li l-PN jaħdem biex jattira lejh il-votanti li la huma ta’ partit u lanqas ta’ ieħor. 

Fi kliemu, meta l-PN irnexxielu jagħmel dan, rebaħ. Fakkar kif meta l-PN ħadem għal-libertà, meta kellu l-viżjoni tal-Ewropa, meta ried idaħħal lil Malta fiż-żona Ewro, kiseb l-appoġġ ta’ dawn il-votanti u rebaħ.

“Il-PN huwa kapaċi mmens li jieħu ħsieb id-dar tagħna, jiġifieri lill-pajjiż iżda issa qed naħdmu biex nassiguraw li nżommu lin-nies ta’ dik id-dar kuntenti bina.”

Kien hawn li l-Viċi Kap Nazzjonalista kompla jispjega li l-PN ħaseb ħafna għall-pajjiż iżda ammetta li forsi ma ħasibx biżżejjed għall-individwu.

Fi kliemu, il-programm elettorali li l-PN qed jippreżenta għal din l-elezzjoni jindirizza dan. Saħaq li l-PN jibqa’ aħjar mill-PL biex jindirizza l-ġustizzja, il-libertà, isaħħaħ id-demokrazija, il-Qrati u anke l-Pulizija. Imma insisita li apparti minn dan, il-programm elettorali qed jindirizza wkoll il-bżonnijiet individwali tal-Maltin u l-Għawdxin.

“Hemm min jivvota għal kwistjonijiet nazzjonali imma hemm bosta li jivvotaw għall-individwu. Aħna bħala PN, kif qed nagħmlu bħalissa, irridu nsaħħu dak il-kuntatt man-nies, biex in-nies tafdana,” insista Agius.

‘Illum lil-Labour ġibnih magħna fuq ħafna kwistjonijiet’

Iżda l-ILLUM tfakkru li l-PN ilu disa’ snin fl-Oppożizzjoni. Kellu ċans disa’ snin biex isaħħaħ il-kuntatt man-nies. Tistaqsih ukoll x’inhi l-mira jew il-viżjoni tal-PN llum. Kif qal hu, kull meta kellu viżjoni jew mira, il-PN attira bażi akbar ta’ votanti.

“Illum niffokaw fuq il-governanza tajba imma wkoll fuq l-individwu bil-bniedem inpoġġuh dejjem fiċ-ċentru tal-politika tagħna. Imma bl-istess argument, x’inhi l-viżjoni tal-PL? Illum lil-Labour ġibnih magħna. Kien kontra l-liberalizzazzjoni tax-xandir u l-kummerċ u ġibnih magħna. Kien kontra l-Unjoni Ewropea u llum ġibnih magħna. Illum qed jitkellem fuq governanza t-tajba anke jekk fadallu biex jasal,” saħaq Agius. 

Kien hawn li saħaq li għalhekk l-argument tal-PN huwa li fil-Gvern għandu jkun hemm min verament jemmen f’dak li jgħid u mhux jagħmel dan biss għall-konvenjenza. 

“Dik id-differenza bejn iż-żewġ partiti llum,” saħaq Agius.

Għadu kmieni wisq biex il-poplu jaħfer lill-PN?

L-ILLUM tfakkru li hu kien Whip tal-aħħar Gvern Nazzjonalista, f’dik il-leġislatura mqallba li ma niżlet tajjeb xejn mal-Maltin tant li meta mar għall-Elezzjoni Ġenerali tal-2013, tilef bi kbir. Illum il-PN għad għandu kandidati li kienu Deputati tal-Gvern Gonzi. Il-gazzetta ILLUM tistaqsi lil Agius jekk jaħsibx li n-nies għadhom ma ħafrux lill-PN u għalhekk għadu kmieni wisq biex jerġgħu jafdawh.

Il-Viċi Kap saħaq li l-poplu għandu l-għażla. Fuq il-vot, l-ismijiet ikunu taħt xulxin u huwa f’idejn in-nies biex jagħżlu d-Deputati li jirrappreżentawhom.

“Fil-Labour, Joe Mizzi ilu żmien, Evarist Bartolo ilu żmien, Michael Farrugia ilu żmien u Anton Refalo ilu żmien. Dawn għamlu żbalji kbar. Kienu kontra s-sħubija fl-Unjoni Ewropea. Allura dawn spiċċa żmienhom? Dak jagħżluh in-nies,” insista Agius.

Kompla jisħaq li bħala parti mit-tmexxija huwa jrid li l-Partit joffri lin-nies għażla imma fl-istess żmien politika tajba. 

“Il-programm li għandna llum, lin-nies iġġiegħlhom jifhmu li mhux se nkunu bħall-partit kif konna l-aħħar fil-Gvern?,” staqsa Agius. “F’ċertu elementi se nkunu l-istess. Ovvjament qatt mhu se nbiddlu l-prinċipji demokristjani. Qatt mhu se nbiddlu l-fatt li l-bniedem huwa fiċ-ċentru tal-politika tagħna.”

‘Għad hemm nies imweġġa’ imma qed jonqsu’

Ammetta li minħabba l-fatt li l-aħħar Gvern Nazzjonalista kien iffukat biss biex joħroġ lill-pajjiż minn kriżi ekonomika li laqtet id-dinja kolha, forsi ma tax biżżejjed importanza lill-bżonnijiet tal-individwu.

“Imma naħseb li bil-politika li għandna llum, bil-programm elettorali li qed nippreżentaw, qed nuru li jinteressana min-nies,” insista.

Kien hawn li ammetta li għad hemm nies imweġġa’. Insista li jkellmuh nies li għadhom imweġġa’ b’dak li għaddew minnu taħt Gvern Nazzjonalista, imma qal li dawn qed jonqsu u anke “ħafna” minn dawn se jerġgħu jivvotaw lill-PN għax ma jistgħux jaċċettaw dak li seħħ taħt Gvern Laburista.

Fi kliemu, hemm delegata tal-Partit Laburista li qaltlu li se tivvota lill-Partit Nazzjonalista u li saħansitra qed tattendi l-attivitajiet tal-kampanjA elettorali. Bħalha, fi kliemu, hemm persuni oħra li kienu jkunu mal-uffiċjali tal-PL fis-sala tal-għadd tal-voti.

‘Jiena ħdimt spalla ma’ spalla ma’ kull Kap’

Tkellimna dwar l-aħħar ħames snin li kienu iebsa għall-PN. Agius baqa’ spalla ma’ spalla ma’ Adrian Delia u vvota kontra mozzjoni ta’ sfiduċja kontrih fil-Grupp Parlamentari. L-ILLUM tistaqsih jekk dak li seħħ komplix ibiegħed faxxa ta’ nies mill-Partit u jekk il-PN, minħabba l-inkwiet intern, tilifx opportunità tad-deheb li jippreżenta lilu nnifsu bħala alternattiva għall-Gvern li wkoll għadda minn kriżi.

David Agius insista li hu dejjem kien spalla ma’ kull Kap. Fakkar li kien hemm ma’ Eddie Fenech Adami, ma’ Lawrence Gonzi u d-diffikultajiet li għadda minnhom minħabba maġġoranza ta’ siġġu wieħed biss, kien maniġer tal-kampanja ta’ Simon Busuttil u sar Viċi Kap fi żmien Adrian Delia, anke jekk kien iddeċieda li jikkontesta qabel sar hu.

“Dak iż-żmien kont għalhekk spalla ma’ spalla ma’ Delia. Jiena dejjem ridt li nirrispetta l-vot tal-kunsilliera u l-membri u għalhekk ma stajtx nagħmel pass differenti milli għamilt. Meta mar għall-vot u t-tesserati għażlu lil Bernard Grech, minn dakinhar ħdimt miegħu wkoll,” insista.

Mistoqsi għaliex ma rriżenjax, biex tkun inbiddlet it-tmexxija kollha, David Agius insista li ried il-kontinwità u ħass li bħala Viċi Kap, seta’ jgħin biex jgħaqqad il-PN u anke jżomm lil dawk il-membri li forsi ħassewhom muġugħa.

‘Araw Delia kemm qed jaħdem ... jekk jagħmlu bħalu għandhom jivvotaw lill-PN’

Iżda kienet għaqlija li l-Kap jinbidel f’nofs leġislatura? Agius saħaq li Delia mexa skont l-istatut tal-Partit Nazzjonalista, anke jekk seta’ ħa passi oħrajn.

“Dik id-deċiżjoni wasslet biex numru kbir ta’ tesserati qalbu l-paġna għal Bernard Grech. Ifisser ukoll li kien hemm madwar 30% tat-tesserati u forsi oħrajn li ma kinux kuntenti u sal-lum għadna qed inkellmu u nikkonvinċu xi wħud,” insista Agius.

Madanakollu, l-appell ta’ David Agius għal dawn in-Nazzjonalisti mweġġa’ huwa wieħed: “Araw l-għaqda ta’ Adrian Delia ma’ Bernard. Araw lil Delia kemm qed jaħdem man-nies tad-distretti tiegħu u oħrajn. Arawh idur għal kull vot għall-PN. Jekk jimxu fuq il-passi tiegħu, dawn in-nies għandhom jivvotaw lill-PN.”

David Agius ammetta wkoll li jista’ jkun li d-diffikultajiet interni ma kkonvinċewx biżżejjed lin-nies li l-PN kien ukoll strumentali wara t-tibdil li sar fil-PL, inkluż fil-bidla tal-Prim Ministru.

Madanakollu saħaq li l-PN kien qed jaħdem u kien ħa pożizzjonijiet b’saħħithom anke fil-Parlament.

“In-nies huma intelliġenti. In-nies jafu li Joseph Muscat li ma telaqx għalxejn. Issa telaqx minħabba l-pressjoni tal-PN jew tas-soċjetà ċivili, il-fatt huwa li ma għadux hemm. Stajna ħadna aktar vantaġġ bħala PN? Se nkunu nafu f’din l-elezzjoni. Ir-riżultati ta’ dawk id-deċiżjonijiet qed joħorġu u għalhekk hemm numru ta’ Laburisti li qed iduru għall-PN,” insista Agius.

‘Għamilnihielhom diffiċli biex jiġu magħna għax ma kinux qed jarawna magħquda’

L-ILLUM tisħaq miegħu li l-impressjoni ma tantx hija li hemm Laburisti li qed jersqu lejn il-Partit Nazzjonalista, imma Agius żamm mal-pożizzjoni tiegħu u insista li apparti dawk li qed jidhru, hemm bosta oħra li qegħdin kwieti d-dar.

“Lil dawn in-nies għamilnihielhom diffiċli biex jiġu magħna għax ma kinux qed jarawna magħquda. Fl-aħħar xhur, il-PN ingħaqad ħafna aktar. Qed nuru li l-PN lest magħqud, bi programm elettorali u bi prinċipji għall-futur,” insista Agius. “In-nies qed tara d-differenza. Ma għandna ħadd fil-PN involut f’atti ta’ korruzzjoni. Ma għandna l-ħadd li ta lill-ħabiba tiegħu kuntratt ta’ €163,000, kif għamel id-Deputat Prim Ministru. Il-Kap tal-PN mhuwiex ħaġa waħda mal-kriminali. Il-Kap tal-PN ma kienx jaqla €28,000 fix-xahar mill-PA.”

Insista li n-nies se jqabblu dan u se jqabblu wkoll il-proposti. Fi kliemu, il-proposti li qed jagħmel il-PN, b’mod partikolari fuq il-pensjonijiet, l-edukazzjoni, l-ambjent u l-inġustizzji, se jagħmlu differenza.

“Jgħidu li l-PN qatt ma żied il-pensjonijiet. Aħna żidna l-pensjonijiet bi provi. Imma ħares lejn dak li qed nipproponu issa. Hemm kritika mill-PL? Aħna se ngħollu l-pensjoni minima daqs il-paga minima nazzjonali. Ara hux jikkritikawna li se ngħinu aktar lin-nies Celiac u bil-Fibromyalgia. Ara hux jikkritikaw il-fatt li l-persuni b’diżabbilità se nagħtuhom assistenza personalizzata, ” kompla jfakkar Agius.

‘Se nagħtuk dak li serqulek mill-2013 sal-lum’

Ma setax ma jitkellimx dwar il-kontijiet tad-dawl u l-ilma u l-eżerċizzju li mexxa hu. Fakkar li l-PN qed iwiegħed li jagħtu lura l-flus kollha li nsterqu. Dan l-ammont illum ilaħħaq il-€55 miljun.

L-ILLUM hawn tfakkru li l-Gvern tahom raġun u anke l-Awditur Ġenerali. Ma jaħsibx li l-Gvern rikeb il-karru tal-PN u se jieħu l-proset hu?

“Il-Labour se jirranġalek minn Jannar li għadda sal-lum. Aħna se nagħtuk dak li serqulek mill-2013 sal-lum. Dik hija wiegħda li l-Labour ma għandux. Aħna se nitterminaw ukoll il-kuntratt tal-Electrogas u dak li niffrankaw se jmur biex innaqsu l-kontijiet u biex lill-anzjani nraħħsulhom il-kontijiet bin-nofs,” insista.

‘Il-Labour ma għadx għandu s-saħħa li kellu qabel’

F’kull attività politika, il-Kap Nazzjonalista qed jisħaq li Robert Abela mhux lest jiggverna, anke għax dam ma ħareġ il-programm elettorali u “qed jikkopja” lill-PN. L-ILLUM tistaqsih jekk dan l-argument hux qed jikkonvinċi n-nies meta l-Gvern għadu kemm ħareġ minn pandemija bl-unuri, bis-saħħa tad-deċiżjonijiet u l-għajnuna li ta.

Fejn qabel konna naħsbu biss għall-pajjiż ... illum irridu nieħdu ħsieb dawk iż-żewġ voti, lil dik il-familja, lill-individwu. Għandna viżjoni għall-pajjiż imma qed nagħtu kas anke lill-persuna fit-triq

Il-Viċi Kap wieġeb li n-nies fid-djar qed jindunaw li l-PL “mhuwiex ippreparat.” Fakkar fil-kampanja elettorali li kellu l-PL fl-2017 u fl-2013. Fi kliemu, fl-aħħar żewġ elezzjonijiet, il-PL ħareġ b’saħħtu, imma insista lu “illum il-Labour ma għadx għandu s-saħħa li kellu qabel.”

“Meta fl-2017 ma kellnix il-programm elettorali, in-nies kienu jgħidulna li mhux ippreparati. Din id-darba bil-kontra,” kompla l-Viċi Kap Nazzjonalista. “In-nies iridu jkunu jafu x’lesti nagħmlu għalihom għax jemmnu li l-PN jista’ jiggverna u li l-Gvern Laburista huwa l-aktar Gvern korrott fl-istorja. Min kien hemm u ma ġġilidx il-korruzzjoni huwa korrott ukoll.”

‘Qed naħsbu wkoll anke għal dawk iż-żewġ voti...’

Tenna li l-PN qed jindirizza anke kwistjonijiet żgħar imma li jolqtu n-nies. Bħala eżempju semma l-kwistjoni dwar il-kamra tan-nar ta’ Birkirkara, li l-ILLUM ġieli kitbet dwarha wkoll. Insista li l-Gvern ilu snin jgħaddihom biż-żmien. Saħaq li l-PN, bil-miktub, intrabat li jagħtihom biċċa art tajba għall-kamra tan-nar.

“Fejn qabel konna naħsbu biss għall-pajjiż ... illum irridu nieħdu ħsieb dawk iż-żewġ voti, lil dik il-familja, lill-individwu. Għandna viżjoni għall-pajjiż imma qed nagħtu kas anke lill-persuna fit-triq,” tenna l-Viċi Kap Nazzjonalista.

‘Għandna kandidatura fil-PN ħafna aħjar mill-PL’

Fl-ewwel jum tal-kampanja, il-PN tilef erba’ Deputati b’esperjenza. Hemm l-impressjoni li fil-PN, wara din l-elezzjoni, mhux se jkun hemm biżżejjed nies ta’ esperjenza biex imexxu l-aktar ministeri importanti, fosthom dawk tal-finanzi, is-saħħa, l-ekonomija u l-edukazzjoni. X’jaħseb Agius dwar dan?

Insista li l-irwoli tal-kabinett huma prerogattiva ta’ min ikun Prim Ministru. Qal biss li għandu fiduċja fil-kandidati kollha u anke fil-poplu li se jagħti lill-PN “l-aqwa Deputati possibbli.”

“Kellna Grupp Parlamentari kapaċi u diversi minnhom huma kandidati u hemm oħrajn ġodda li huma kapaċi wkoll. Ma jfissirx li David Agius, għax qatt ma tkellem fuq settur partikolari, mhux kapaċi jmexxih. Prim Ministri ġieli għażlu persuni li kienu sempliċiment sindki u li ma kellhomx esperjenza. Qabel l-aħħar elezzjoni kont tobsor li Byron Camilleri se jkun Ministru għall-Intern?”, staqsa Agius. “Għandna kandidatura fil-PN ħafna aħjar mill-PL.”

Kannabis: ‘Aħna konna nagħmlu liġi aħjar’

Tkellimna dwar il-pożizzjoni tal-PN dwar il-liġi tal-kannabis u deċiżjonijiet oħra li ħa, bl-ILLUM tistaqsi lil Agius jekk jaħsibx li l-Partit Nazzjonalista komplix iwarrab niċeċ ta’ votanti, speċjalment dawk żgħażagħ.

Irikonoxxa li jista’ jkun hemm min tbiegħed, imma fi kliemu, fil-każ tal-kannabis, attira oħrajn.

“Hemm ħafna żgħażagħ li huma silenzjużi u li jaħdmu f’għaqdiet partikolari,” saħaq Agius waqt li fakkar li d-deċiżjoni tal-PN kienet ibbażata fuq diskussjoni wiesgħa, anke ma’ esperti fil-qasam.

“Aħna konna nagħmlu liġi aħjar. Bernard Grech qal li nżommu din il-liġi u ntejbuha,” kompla l-Viċi Kap tal-PN. “Smajna x’għamlet s’issa l-Awtorità tal-Kannabis? Xejn. L-ewwel inżidu l-edukazzjoni u nżidu l-kuxjenza u mbagħad nagħmlu liġi.”

‘Jiena mhux marbut mas-siġġu’

Fl-aħħar nett l-ILLUM tistaqsih x’se jkun il-futur tiegħu wara l-elezzjoni ġenerali. Jekk il-PN jitlef, kif qed juru s-sondaġġi, se jerġa’ jitfa’ ismu għall-kariga ta’ Viċi Kap?

“Jiena mhux marbut mas-siġġu. Jiena kont offrejt is-siġġu tiegħi bħala Viċi Kap u kienet qed tissemma Roberta Metsola. Jiena kont lest inwarrab għax l-ewwel il-Partit,” fakkar David Agius. “Iċ-ċirkostanza ma ġratx. Kont u nibqa’ naħdem. X’jiġri wara l-elezzjoni ma nafx. Jiena nibqa’ dejjem għas-servizz tal-partit. Niddeċiedi wara l-elezzjoni ġenerali skont il-bżonnijiet tal-PN.”

More in Politika