'X'ingħad f'dik il-laqgħa Robert?' Grech jibqa' jimplika li l-PM iltaqa' ma' Joseph Portelli

Minkejja li l-Kelliem għall-Prim Ministru ċaħad mal-illum.com.mt li Abela b'xi mod influwenza d-deċizjoni dwar l-approvazzjoni tal-proġett ta' Joseph Portelli f'Ta' Sannat, il-Kap tal-Oppożizzjoni jibqa' jinsisti u jistaqsi jekk il-PM iltaqax mal-iżviluppatur

Il-Kap tal-Partit Nazzjonalista, Bernard Grech, reġa’ implika li l-Prim Ministru Robert Abela kien preżenti għal xi laqgħa li matulha ġie diskuss il-proġett massiċċ ta’ Joseph Portelli f’Ta’ Sannat li se jara l-bini ta’ diversi appartamenti ftit ‘il ġewwa mill-irdum.

Huwa qal dan meta kien qed jindirizza mass rally fil-Padiljum Sportiv ta’ Kordin waqt li għamel referenza għal artiklu ppubblikat fuq dan is-sit stess u li fih, kelliem għall-Prim Ministru ċaħad li kien hemm xi laqgħa dwar dan l-iżvilupp, anke jekk fl-ebda ħin ma ċaħad li fl-aħħar jiem, Robert Abela, iltaqa’ mal-iżviluppatur Jospeh Portelli.

“Jumejn ilu staqsejtu jekk kienx f’xi laqgħa. Ħareġ jirrispondini. Ma qalx le. Qal li jien iddisprat,” kompla Bernard Grech.

Fit-tweġiba lill-illum.com.mt, il-Kelliem għall-Prim Ministru qal biss li Abela, fl-aħħar jiem iltaqa’ ma’ ħafna nies u kien hawn li Grech reġa’ staqsa jekk kienx hemm laqgħa ma’ Portelli.

“X’ingħad f’dik il-laqgħa Robert?” reġa’ staqsa Bernard Grech. “Issa naraw jekk hux se jibqa’ jaħrab lill-ġurnalisti.”

Fakkar li dwar dan il-proġett, kemm il-case officer imma anke l-NGOs u r-residenti kienu qed jinsistu kontra l-approvazzjoni tiegħu.

Grech fakkar li lejliet li ħareġ dan il-permess, Robert Abela, waqt id-dibattitù tal-Università, wiegħed li se jipproteġu l-periferiji, b’mod partikolari dawk f’Għawdex.

“Int tista’ temmnu li se jkun qed iżid l-ispazji miftuħa?”, kompla jistaqsi Grech.

Filwaqt li kompla jakkuża lill-Partit Laburista li kkopja ħafna mill-proposti tal-PN, insista li “ovvjament ma kkoppjax" il-wiegħda tal-PN li kull sena jżid 50,000 metru kwadru ta’ art pubblika maż-żoni barra mill-iżvilupp.

“Iridu ngħidulhom fejn. Tgħid mhux se ngħidulkom kollox minn issa. Agħtuna l-fiduċja u mhux biss inwiegħdukom imma nwettqu kollox,” kompla Grech.

‘Il-PM jrid stat ta’ dittatorjat’

Inqas minn ħmistax qabel l-Elezzjoni Ġenerali, ma naqasx l-appell imqanqal tal-Kap Nazzjonalista biex aktar nies jafdaw lill-Partit Nazzjonalista waqt li akkuża lill-Partit Laburista li ma jrid xejn għajr “il-poter” u “l-oppressjoni.”

Insista li minħabba dan, ħafna persuni qed jibżgħu jwieġbu s-sondaġġi u professjonisti u negozjanti qed jibżgħu jitkellmu f’attivitajiet jew jiltaqgħu mal-Oppożizzjoni.

Grech saħansitra akkuża lill-Prim Ministru li jrid “stat ta’ dittatorjat.” Ikkritika fost oħrajn il-proposta biex kulħadd jissieħeb fi trejd union.

“Issa qed jitkellem bil-miftuħ li jrid maġġoranza akbar milli għandu għax hekk biss ikollu s-saħħa. Għaliex trid aktar saħħa. Mhux diġà għandek pajjiż maħtuf f’idejk?” staqsa Grech. “Huwa evidenti li Abela huwa għatxan għal aktar poter u jrid irendi l-Oppożizzjoni ineffettiva biex jibqa’ jgħaddi romblu. Irid ikollu aktar saħħa biex ikollu Parlament li ma jwettaqx xogħol ta’ skrutinji kif inhu mistenni minnu.”

Kien għalhekk li appella biex “ikun hemm vot b’saħħtu lill-Partit Nazzjonalista.” Tenna l-appell li għamel diversi drabi, jiġifieri li dakinhar tal-vot, fil-kamra tal-votazzjoni, kulħadd se jkun waħdu u ħadd mhu se jkun jaf il-vot ta’ ħadd.

‘Aħna mhux perfetti ... wasal iż-żmien li taħfrulna’

Hawn ħeġġeġ lil kulħadd biex jaħfer lill-PN għall-iżbalji li saru.

“La jien u lanqas il-Partit ma aħna perfetti. Saru żbalji anke kemm ilni Kap jien u anke qabel żmieni. Nitlobkom taħfrulna għal kull wieħed minn dawn l-iżbalji li weġġgħukom. Jiena ma nistax niggarantilkom li qatt mhu se niżbaljaw imma nista’ niggarantilkom li l-ħidma kollha tagħna se tkun għall-ġdid tal-pajjiż. Wasal iż-żmien li nħarsu ‘l quddiem,” insista Grech.

Saħaq li l-PN ma għandu l-ebda dritt li jiggverna imma insista li qed jirsisti għax huwa lest li jagħmel dan għall-ġid tal-pajjiż.

“L-għada tal-elezzjoni se nkunu qed inħarsu lura u se nkunu qed ngħidu li rnexxielna flimkien inbiddlu d-direzzjoni. Dakinhar il-bidla tibda u nibdew inwettqu l-ġid. Ħudu rajkom f’idejkom,” insista l-Kap Nazzjonalista. “Fis-26 ta’ Marzu vvota għalik, għal uliedek u għall-pajjiżek.”

Għajnuna lil tal-festi. X’wiegħed Bernard Grech?

Bernard Grech tkellem ukoll dwar il-festi għax fi kliemu, il-PN mhux biss se joħloq setturi ekonomiċi ġodda, itejjeb il-kwalità tal-ħajja u l-mobbilità, imma wiegħed li se jkun qed jipproteġi d-drawwiet u t-tradizzjonijiet, inkluż il-festi.

Wiegħed li s-servizzi kollha li jingħataw lill-entitajiet governattivi, bħall-permessi, is-servizzi tal-Pulizija u l-LESA u anke mill-Protezzjoni Ċivili, taħt Gvern Nazzjonalista se jkunu b’xejn.

Qal ukoll li spejjeż marbuta mal-meters tad-dawl li jintuża waqt il-festi se jkun qed jitħallas minn Heritage Malta.

“Aħna napprezzaw dak li tagħmlu għall-komunità, għat-tfal, iż-żgħażagħ u l-prodott turistiku. Aħna nafu x’sagrifiċċju għamiltu fi żmien il-pandemija u issa se ssibuna warajkom,” insista Grech.

Għaliex mhux tippubblika l-kontijiet tal-partit tiegħek?

Bernard Grech għadda biex jitkellem dwar il-pandemija u staqsa għaliex il-Partit Laburista ma ppubblikax il-kontijiet tiegħu għax qed juża l-pandemija bħala skuża.

“Biex approvajt il-manifest, jew aħjar il-ktieb, għamilt laqgħa ġenerali. Mela allura għaliex se tibqa’ ssib skużi?”, staqsa Grech. “Il-falsità tiegħek nieżla u qed tinqabad kuljum. Din hija l-ewwel darba li partit politiku se jikkontesta elezzjoni mingħajr ma jkun ippubblika l-kontijiet pubbliċi tiegħu lill-kummissjoni elettorali.”

‘Għaliex ma tridx li l-Maltin li jgħixu barra jivvotaw?

Kompla jitkellem dwar ir-regoli tal-Covid-19 u insista li l-Gvern ma jistax jibqa’ jiġġustifika miżuri aktar iebsa minn dawk li hemm f’pajjiżi Ewropej.

“Għaliex qed ninsistu li ssir kwarantina għal dawk mnhux imlaqqma minkejja li għandhom test ta’ PCR negattiv. Din hija diskriminazzjoni u kontra d-demokrazija. Kulħadd għandu jkun liberu li jeżerċita d-dritt tal-vot tiegħu,” qal Grech.

Kien hawn li rrefera għal Maltin li jgħixu barra u staqsa għaliex il-Gvern ma jridx li dawn jivvotaw f’pajjiżhom

‘Ħareġ ktieb cover-version ta’ dak li għamilna aħna’

L-ewwel parti tad-diskors tiegħu, Grech iddedikah biex anke b’mod ironiku jiskredita l-manifest elettorali tal-Partit Laburista.

“Ħareġ ktieb, cover-version ta’ dak li għamilna aħna. L-aqwa li għandna n-numru 1,000. Tqalleb fil-ktieb li hu sabiħ għax dak li hu tajjeb irridu nagħtuhulhom. Tqalleb u ssib ħafna kliem sabiħ li jemozzjonak. Imma mbagħad tagħfas u ma ssib xejn. Qalilna rridu niġġieldu l-għoli tal-ħajja. Kif? Ma jafx? Qalilna se nkunu spalla ma’ spalla man-negozjant. Kif? Ma jafx? Qalilna se noħolqu l-ġid. Kif? Ma jafx? Ilhom għaxar snin u ma ħolqux settur ekonomiku wieħed u mela allura la ma ħloqtx settur wieħed f’għaxar snin kif tista’ titwemmen li se toħloq xi ħaġa issa? Tant jafu dan li lanqas isemmu settur ekonomiku wieħed li hu wieħed. Dawn ma għandhomx ideat u lanqas viżjoni. Ma għadhomx roadmap. L-aħħar roadmap li kellhom kienet għal ġol but,” insista Grech.

Fakkar kif fl-2013, il-PL wiegħed li se jeqred il-prekarjat u saħaq li l-manifest jammetti “li lanqas biss bdew.”

“Qed jgħidulna nwiegħdu li neqirdu l-faqar billi nistudjawh. Ammettew li għadhom ma fehmu xejn,” insista Grech waqt li akkuża lill-Gvern li ma għandu l-ebda viżjoni.

Bi flus ħaddieħor kulħadd jaf ikun ‘king.’

“Aħna qed noffru s-soluzzjonijiet. Rajtu l-programm elettorali għax tagħna ilu tliet ġimgħat f’idejkom. Urejnikom il-viżjoni tagħna għat-trasport pubbliku tal-massa. Fil-ħames snin li ġejjin nistgħu nagħtukom trasport tal-massa li jaħdem, effiċjenti, ibbażat fuq trackless tram,” fakkar Grech.

Tenna li l-proposta tal-PL għall-metro mhijiex vijabbli lanqas għall-flus. “Bi flus ħaddieħor, kulħadd king,” insista Grech.

Kien għalhekk li saħaq li minkejja li “kkopja” l-proposti tal-PN, il-Partit Laburista baqa’ bla soluzzjonijiet.

“Huwa evidenti li ma kontx ippreparat. Għaliex ħrabt għall-elezzjoni? X’inhu jinkwetawk? Għaliex qed theddu lin-nies? Għaliex qed iċċemplu l-ħin kollu? Min mhuwiex seren, kif jista’ jkun iffukat biex iservi l-probemi tal-pajjiż?”, staqsa Grech.

More in Politika