Il-kwarantina għal kuntatti primarji se tonqos għal ħamest ijiem u titneħħa fis-7 ta' Marzu

Daqshekk maskri fuq barra mill-14 ta' Marzu u funerali ta' persuni li meta mietu kellhom il-Covid-19 jistgħu jsiru wara 48 siegħa

Meta kien qed jindirizza konferenza tal-Aħbarijiet kmieni wara nofsinhar id-Deputat Prim Ministru u Ministru tas-Saħħa Chris Fearne qal li minn nhar it-Tnejn li ġej - il-21 ta' Frar  - dawk li huma kuntatti primarji ta' każi ta' Covid-19 jistgħu jagħmlu kwarantina ta' ħamest ijiem biss basta jkunu ħadu t-tilqim kollu u wara li jkunu għamlu test u rriżultaw fin-negattiv. Jekk is-sitwazzjoni tibqa' taħt kontroll - kif jgħid li hija bħalissa - ħmistax wara, mis-7 ta' Marzu, il-kwarantina għall-kuntatti primarji titneħħa b'mod assolut filwaqt li dawk li jgħixu ma' persuna li jollha l-Covid-19 u mill-ġdid ikunu mlaqqmin, inkluż bil-booster, jaraw il-kwarantina tagħhom tonqos għal sebat ijiem minflok 10. 

 Bħalissa l-kwarantina għal dawk b'ċerifikat tat-tilqim validu hija ta' għaxart ijiem għal dawk li huma pożitivi u jgħixu fl-istess dar ma' każ pożittiv filwaqt li f'każi ta' kuntatt primarju -  imma mhux fl-istess dar - dawn iridu jagħmlu sebat ijiem kwarantina. Il-kwarantina għal kuntatti sekondarji tneħħiet diġà. 

It-tieni rilaxx ta' miżuri mħabbar illum hija dik li titratta l-maskri hekk kif dawn mhux se jibqgħu jintlibsu aktar fuq barra u fil-pubbliku mill-14 ta' Marzu li ġej ħlief f'każi biss ta' "ġemgħat kbar." Fuq ġewwa u spazji magħluqa għalissa jridu jibqgħu jintlibsu. Bħalissa l-ilbies tal-maskri jrid jiġi osservat fuq barra jekk persuna tkun fi grupp ta' aktar minn tnejn minn nies. 

U finalment il-Ministru Fearne ħabbar ukoll li se jitneħħa l-obbligu ta' funeral li jeħtieġ isir 24 siegħa wara li persuna li tkun pożittiva titlef ħajjitha u minflok dan issa ġie estiż għal 48 siegħa. Huwa qal li għaddejjin diskussjonijiet ukoll dwar liġi li titratta meta jista' jerġa' jinfetaħ qabar meta l-persuna tkun mietet b'mard partikolari bħall-Covid-19. 

Huwa qal li sa tmiem ir-Rebbiegħa li ġejja l-Gvern irid li Malta tkun "f'normalità kompluta." 

It-Tnejn 14 ta' Frar ma baqax obbligatorju li jkollok ċerifikat biex tmur gyms, teatri u ċinemas u l-ġimgħa ta qabel dan ma baqax f'każini u snackbars. Huwa fakkar li din il-ġimgħa tneħħa l-obbligu li turi ċeritifkat tal-vaċċin jekk tmur f'barijiet, teatri, gyms u teatri. 

 

More in Politika