'Hemm il-Bobby warajna' - Azzopardi jallega li dan intqal minn Christian Borg f'telefonata

Id-Deputat Nazzjonalista Jason Azzopardi jallega wkoll li seħħ racket ta' mijiet ta' eluf ta' ewro bejn uffiċjal għoli ta' TM u Christian Borg

Illejla meta kien qed jinidirzza l-Parlament waqt il-ħin tal-Aġġornament id-Deputat Nazzjonalista Jason Azzopardi sostna illi hemm telefonata li qed tiġi investigata mill-Pulizija tar-Reati Finanzjarji u li fiha Christian Borg jinstema' jgħid li "hemm il-Bobby warajna." Azzopardi qal dan waqt li llejla allega racket mill-2014 li allegatament kien jinvolvi uffiċjali għolja tal-LESA u lil Christian Borg - akkużat bi ħtif u li l-PM Abela kien involut f'konvenju li għamillu lura fl-2018.

Huwa qal li multi imħallsa qatt ma wasslu għand Transport Malta u li dawn ilaħqu il-mijiet ta' eluf ta' ewro f'kontravenzjonijiet. Huwa kompla jgħid li ħafna minn dawn il-multi tħallsu minn turisti fuq karozzi li huma ta' Borg, iżda uffiċjal tal-LESA li qal illi kien ikun fis-Sala tal-Għadd tal-Voti f'isem il-Partit Laburista kien jaċċerta li dawn il-multi ma jidhrux fis-sistema. Huwa jgħid illi dan l-istess uffiċjal kien joqgħod jiftaħar b'Rolex li jiswa' €20,000.

Id-Deputat Nazzjonalista qal li f'temp ta' ħames jew sitt snin Borg kien xtara b'madwar miljun ewro fi proprjetà u kien hawn li semma' t-telefonata li fiha allegatament jissemma' l-Prim Ministru. 

Huwa qal ukoll li hemm ritratt - liema ritratt poġġa fuq il-Mejda tal-Kamra - li ttieħed tmien xhur ilu u li juri Range Rover irreġistrata taħt Christian Borg, li jallega illi kienet qed tinstaq minn membru tal-familja tal-Prim Ministru li qal illi jaf min hi imma li mhux se jsemmi isimha għalissa.  

"Nemmen illum, aktar minn qatt qabel li din il-Kamra u l-poplu għandhom dritt ikunu jafu x'inhi r-relazzjoni bejn Robert Abela u Christian Attard," temm jgħid Azzopardi. 
 

More in Politika