Dar Omm Sidna fl-Imsida se titwaqqa’ u tinbena mill-ġdid biex tilqa’ iktar anzjani

Dar Omm Sidna kienet ilha miftuħa mill-1991 iżda qatt ma sar investiment kbir fiha

Il-Ministru għall-Anzjani u l-Anzjanità Attiva Michael Farrugia ħabbar li fil-ġimgħat li ġejjin mistenni jibda t-twaqqigħ tad-dar tal-anzjani tal-Imsida, li se tkun qed tinbena mill-ġdid u titkabbar biex tilqa’ fiha numru akbar ta’ anzjani.

B’investiment ta’ madwar €13.5 miljun, id-dar il-ġdida se tkun mibnija fuq sitt sulari. Huwa ppjanat li d-dar tkun tista’ tilqa’ l-ewwel residenti fiha lejn l-aħħar tas-sena 2025.

Bħalissa qed jiġu evalwati l-offerti u proċeduri oħra marbuta mal-permessi tal-bini.

Kif inhi bħalissa Dar Omm Sidna
Kif inhi bħalissa Dar Omm Sidna
Kif qed ikun pjanat li ssir Dar Omm Sidna
Kif qed ikun pjanat li ssir Dar Omm Sidna

Dar Omm Sidna kienet ilha miftuħa mill-1991 iżda qatt ma sar investiment kbir fiha. Il-bini mill-ġdid ta’ din id-dar għandu l-iskop li jipprovdi livell għoli ta’ servizzi ta’ kura lir-residenti, u d-dar se jkollha taħt l-istess saqaf is-servizzi essenzjali ta’ kura għall-anzjani.

Il-Ministru Michael Farrugia spjega li d-dar kienet takkomoda 64 resident iżda d-disinn mill-ġdid tagħha sar b’tali mod li se tkun qed toffri spazju għal 114 resident, jiġifieri żieda ta’ 50 sodda. 

Huwa ħabbar ukoll li minbarra faċilitajiet tal-ogħla livell b’ambjent komdu u familjari għall-anzjani, dan il-proġett se jinkorpora miżuri ta’ enerġija effiċjenti.

Numru ta’ sodod tal-anzjani se jkunu qed jakkomodaw persuni li għandhom id-dimensja waqt li 44 sodda oħra se jkunu high dependency unit.

Barra minn hekk, se jkun hemm ukoll kamra kbira tal-ikel u żona oħra għall-attivitajiet, uffiċċji u kmamar għal konferenzi u parkeġġ li se jkun taħt l-art u li jista’ jakkomoda mal-40 vettura.

Dawn il-faċilitajiet kollha huma regolarizzati mis-Social Regolatory Standards dwar il-ħarsien residenzjali għall-anzjani skont kif ġew ippubblikati mill-Awtorità tal-Istandards Ħarsien Soċjali f’Awwissu li għadda.

Is-servizzi li se jiġu pprovduti jinkludu servizz 24/7 ta’ nursing and caring li jinkludu wkoll servizzi ta’ clinical nutrition nurse, dietician, infection control nurses u tissue viability nurse, Allied Health Services (AHS), geriatrician u GP services, servizzi ta’ psikoterapija, hairdresser u servizzi ta’ sbuħija, servizzi pastorali u attivitajiet ta’ anzjanità attiva, servizzi fir-reception, tindif u ħasil tal-ħwejjeġ.

Il-Ministru Michael Farrugia qal li l-ispiża kapitali tinkludi kemm il-bini tal-binja, kif ukoll il-finishes u l-investiment li sar fl-apparat speċjalizzat li se jkun qed itejjeb il-ħajja u l-bżonnijiet tal-anzjani.

More in Politika