Ministri u Deputati: 'Il-Laburisti rrabjati imma aktar ħraxu... ejja naqbdu u mmorru għall-elezzjoni'

Ministri u Membri tal-Grupp Parlamentari Laburista jgħidu li l-Laburisti u l-għeruq tal-PL huma rrabjati ħafna għal mod kif sar ir-raid fuq Muscat imma jisħqu li "ħraxu" aktar kontra l-PN b'dak li ġara...

"Teatrin sħiħ, għalhekk irrabjati l-Laburisti. Mela dak mod li bih jiġi trattat eks PM li fetaħ rikors hu stess biex imur jixhed? Hemm rabja kbira fost il-Laburisti li Muscat ġie umiljat b'dan il-mod." 

Hekk sostna Ministru, wieħed minn erba' sorsi differenti li tkellmu ma' din il-gazzetti, kemm Ministri u anke Deputati, imma li kollha xtaqu li jibqgħu anonimi. 

Id-Deputati kollha, mistoqsijin dwar is-sentiment tal-Laburisti fuq ir-raid li sar fid-dar ta' Joseph Muscat semmew tliet affarijiet: Rabja, għeruq li ħraxu kontra l-PN u finalment ukoll l-elezzjoni. 

Wieħed mill-Membri tal-Kabinett li tkellmu mal-ILLUM qal li l-Prim Ministru ma jista' jagħmel xejn, ħlief pass wieħed: "Xi tridu jagħmel il-Prim Ministru? Jindaħal jew? Ejja naqbdu u mmorru għal elezzjoni għax dan l-inkwiet ma għandniex x'nambuh," sostna dan il-membru tal-Kabinett. 

Huwa stieden lill-gazzetta biex timmaġina xenarju fejn Muscat ikun mgħajjat id-Depot u jmorru numru ta' partitarji fuq il-post. "Issib xi ħadd rasu sħuna! Dan l-inkwiet x'irriduh? Aħna inżidu iktar voti ma tantx nistgħu nnaqqsu nistgħu f'dan il-punt, għalfejn se noqgħodu nistennew?" 

L-istess sors sostna li hu jemmen li Muscat mhu se jagħmel xejn biex iweġġa' lill-Partit Laburista jew jagħti palata lill-Partit Nazzjonalista, imma sostna li forsi Muscat iħoss li Abela mhux joħroġ għonqu biżżejjed għalih. 

Wara r-raid il-Prim Ministru Robert Abela saħaq illi l-Gvern qed jagħti l-fiduċja lill-istituzzjonijiet imma qal li dawn iridu jirriċiprokaw dan ir-rispett lura, fi kritika indiretta lejn ir-raid. Huwa wkoll esprima dubji serji dwar it-teħid tal-mobile tat-tfal ta' Muscat. 

'Ġustizzja mhux witch hunts'

Membru ieħor tal-Kabinett li tkellem ma' din il-gazzetta sostna wkoll li hemm rabja, iżda li ftit minnha hija direzzjonata lejn il-Prim Ministru. Huwa sostna li r-rabja hija lejn il-mod kif saru l-affarijiet, speċjalment quddiem il-fatt li kien hemm ġurnalist u anke d-Deputat Nazzjonalista Jason Azzopardi qabel u waqt li kien qed iseħħ ir-raid, ħdejn id-dar ta' Muscat. 

"La hu stess fetaħ rikors! Jiena man-nies li qed nitkellem ir-rabja mhix għax saret imma l-mod kif saret. Anke ngħidlek, nirrabja" jgħid dan is-sors mal-ILLUM. "Il-Prim Ministru ma tantx jissemma' ħlief li wħud staqsew kif jista' jkun ma kienx jaf. Dan kif sar kollu teatrin," insista wkoll it-tieni membru tal-Kabinett. 

Huwa qabel ukoll dwar l-elezzjoni. "Aħna fis-sena tal-elezzjoni qegħdin, naqbdu u mmorru mill-ewwel... dak li ġara iktar ħarrax lil-Laburisti kontra l-PN," sostna. 

Temm jgħid li l-ġustizzja trid issir u li ħadd mhu Alla, iżda saħaq ukoll li "ġustizzja għandha ssir, mhux witchhunts."

Membru ieħor tal-Kabinett li tkellem mal-ILLUM qal li "b'dak li ġara l-Laburisti ħraxu iktar, jiġifieri jekk il-PN qed jaħseb li se jiggwadanja xi ħaġa minn dan kollu nista' ngħidlek li huwa pjuttost il-kontra. L-effett kien il-kontra, għax qajjem l-entużjażmu u r-rabja fost il-Laburisti"

Huwa ammetta li hemm rabja iżda fost ħafna Laburisti li qed jiltaqa' magħhom għax dan il-Membru tal-Kabinett ukoll jgħid li dan kien "teatrin sħiħ." 

Finalment l-aħħar sors ukoll qal ma' din il-gazzetta li Abela għandu jmur għal elezzjoni, "kif wara kollox bosta kienu qalulu biex jagħmel u ma għamilx f'Novembru... ejja ħa naqbdu u mmorru għall-elezzjoni, xejn xejn xorta din is-sena trid issir." 

Huwa qal li s-sitwazzjoni fost il-Laburisti hija "ħażina ħafna" għax iħossu li Muscat ġie umiljat u qal li dan jirrapreżenta lil dawk il-Laburisti umiljati u li - skont hu - ġew minsija. 

Dan is-sors ma tantx qabel mal-argument li l-Laburisti qed jiħraxu wara dak li ġara, anzi sostna li probabilment diġà hemm element ta' astensjoni li jkompli jikber jekk Muscat jerġa' jitkellem u jagħti l-impressjoni li Abela mhuwiex qed joħroġ għonqu għalih.  

Nhar il-Erbgħa filgħodu Muscat stess ħabbar f'filmat fuq Facebook li ġie segwit minn eluf ta' nies, illi sar raid fuq id-dar tiegħu u tteħdulu l-mobiles, tiegħu, ta' martu u anke uliedu b'rabta ma' investigazzjoni relatata mal-kuntratt mal-VGH. Huwa qal li barra d-dar tiegħu meta waslu l-Pulizija kien hemm ġurnalist ta' The Times kif ukoll filwaqt li implika li d-Deputat Jason Azzopardi kien jaf x'ser jiġri minn qabel. 

Dan il-filmat wassal għal mewġa ta' appoġġ minn ħafna votanti Laburisti u anke rabja, ħafna minnha lejn Azzopardi u parti wkoll lejn il-PM Abela. Abela fil-fatt ta kummenti f'żewġ okkażjonijiet fejn wera' tħassib għat-teħid tal-mobile tat-tfal ta' Muscat  u qal ukoll li kif il-Gvern dejjem wera' rispett lejn l-istituzzjonijiet, l-istess għandhom jirriċiprokaw l-istituzzjonijiet, fi kritika indiretta lejn it-talba tal-Maġistrat. 

F'Novembru li għadda kien żvelat li Joseph Muscat irċieva madwar €60,000 mingħand Accutor AG, kumpanija li kienet ħadet il-miljuni mingħand Steward Healthcare meta din ħadet f'idha l-kuntratt mingħand il-VGH għat-tmexxija ta' tliet sptarijiet pubbliċi.

 

More in Politika