Borg ma kisirx l-etika meta awgura l-Għid it-Tajjeb permezz ta' riklam li swielu €82.60

Ir-riklam in kwistjoni deher fil-ġurnal It-Torċa f’Ħadd il-Għid, l-4 ta’ April 2021 u kien jinkludi fih ritratt tal-Ministru Ian Borg u l-kliem, 'Il-Ministeru għat-Trasport, l-Infrastruttura u l-Proġetti Kapitali jawgura l-Għid it-Tajjeb lill-poplu Malti u Għawdxi.'

Il-Kummissarju għall-Istandards fil-Ħajja Pubblika kkonkluda li l-Ministru Ian Borg ma kisirx l-etika meta ħareġ riklam biex jawgura l-Għid it-tajjeb lill-pubbliku.

Arnold Cassola ilmenta mal-Kummissarju għaliex qal li dan ir-riklam ma kellux jitħallas minn fondi pubbliċi. Cassola żied jgħid  li jekk mill-banda l-oħra r-riklam ġie mħallas mill-Ministru Ian Borg personalment, ma messux inkluda l-arma ta’ Malta.

Ir-riklam in kwistjoni deher fil-ġurnal It-Torċa f’Ħadd il-Għid, l-4 ta’ April 2021. Ir-riklam kien fih ritratt tal-Ministru Ian Borg u l-kliem “Il-Ministeru għat-Trasport, l-Infrastruttura u l-Proġetti Kapitali jawgura l-Għid it-Tajjeb lill-poplu Malti u Għawdxi." Ix-xogħol fil-komunitajiet tagħna se jkompli sabiex nibqgħu nagħtu kwalità ta’ ħajja aħjar.” Ir-riklam kien fih ukoll l-arma nazzjonali ta’ Malta.

Mill-investigazzjoni tal-Kummissarju għall-Istandards  irriżulta li r-riklam, li ġie jiswa €82.60, ġie kkummissjonat u mħallas mill-Ministru Borg personalment, mhux permezz tal-ministeru tiegħu. Dan ġie verifikat mill-Kummissarju permezz il-irċevuta tal-ħlas. Barra minn hekk, is-Segretarju Permanenti tal-ministeru ikkonferma li ma ħarġu ebda pagamenti għar-riklam min-naħa tal-ministeru.

Il-Ministru Borg informa lill-Kummissarju li l-arma ta’ Malta ntużat fir-riklam bi żball. Il-Kummissarju osserva li r-riklam messu ħareġ f’isem il-Ministru, mhux il-ministeru tiegħu, iżda aċċetta li dan ukoll kien sar bi żball.

Il-Kummissarju nnota li ġaladarba l-Ministru kien ħallas għar-riklam, ma kellu xejn x’jiggwadanja billi joħroġ ir-riklam f’isem il-ministeru flok f’ismu personali. Għalhekk il-Kummissarju kkonkluda li ma kienx hemm ksur ta’ etika f’dan il-każ u ma laqax l-ilment.

More in Politika