Micallef jgħid li r-rejd fuq Muscat sar biex jimbarazza lill-Gvern qabel l-elezzjoni

Saħansitra jakuża lill-Pulizija li qed ikunu 'bullied' minn 'tużżana nies' u saħansitra jistieden lil-Laburisti biex jinżlu fit-toroq isemmgħu leħinhom

Iċ-Chairperson tal-ONE u anke tal-Aġenzija Kulturali għall-Belt Valletta, Jason Micallef, ħadha qatta bla ħabel kontra t-tfittxija li saret ilbieraħ fid-dar tal-eks Prim Ministru Joseph Muscat u saħansitra staqsa jekk il-Pulizija u awtoritajiet oħra hux qed jaħdmu għax "bullied" minn ftit nies.

Fuq Facebook, Micallef iddeskriva lil Muscat bħala "wieħed minna" u saħansitra ddeskriva dak li seħħ ilbieraħ bħala "assalt fuqu" mill-Pulizija.

"Il-mument li nsemmgħu leħinna wasal," insista Micallef waqt li saħaq li r-rejd li sar ilbieraħ kienet "oxxenita kbira"

Staqsa kif kien hemm membri tal-midja li kienu jafu x'se jsir u kienu fuq il-post u talab lill-Kummissarju biex jinvestiga dan. 

Ħadha wkoll kontra l-Pulizija għax fost affarijiet oħra, ikkonfiskaw il-mowbajls taż-żewġt itfal ta' Muscat, xi ħaġa li kkritika wkoll il-Prim Ministru lbieraħ.

"L-istituzzjonijiet iridu jaħdmu, iżda għajb kbir jekk l-istituzzjonijiet jaħdmu ghax iħossuwhom "bullied" minn ftit tużżani nies ġo għaqda maħlufa li tagħmel ħsara kemm tiflaħ lill-Gvern Laburista, lill-Mexxejja tiegħu, lill-eks Mexxejja tiegħu, u lil kulmin b'xi mod jew iehor hu assoċjat mal-Partit Laburista," kiteb Micallef.

Kien hawn li sejjaħ lil-Laburisti biex iqumu u jgħixu "issa daqshekk, issa żżejjed," għax fi kliemu ma jiflaħx aktar jara tfixkil kontra l-Gvern.

"It-teatrin li fuq il-familja Muscat mhux aċċettabbli. Joseph Muscat hu wieħed minna. Kif seħħ, kif magħmul, kien mibni fuq pjan li jimbarazza lill-Gvern Laburista, u biex joħloq tensjoni żejda ftit xhur 'il bogħod minn elezzjoni ġenerali," saħaq.

Saħansitra saħaq li dan huwa ż-żmien li l-Laburisti joħorġu jsemmgħu leħinhom fit-toroq.

More in Politika