Repubblika b'rapport formali lill-Kummissarju biex jieħu passi kontra uffiċjali tal-Bank Pilatus

Minkejja li ilhom minn Marzu tal-2021 iffirmati mill-Maġistrat Ian Farrugia, il-mandati ta’ arrest internazzjonali kontra s-sidien u uffiċjali għolja tal-Pilatus Bank baqgħu ma nħarġux

L-organizzazzjoni Reppubblika ppreżentat rapport lill-Kummissarju tal-Pulizija u li fih indikat l-ismijiet ta’ dawk il-persuni msemmija fl-inkjesta dwar il-Pilatus Bank u li dwarhom għadhom ma ttieħdet l-ebda azzjoni.

Il-Ħadd li għadda, il-gazzetta MaltaToday fakkret kif minkejja li ilhom minn Marzu tal-2021 iffirmati mill-Maġistrat Ian Farrugia, il-mandati ta’ arrest internazzjonali kontra s-sidien u uffiċjali għolja tal-Pilatus Bank baqgħu ma nħarġux.

Dawn kienu ffirmati ftit ġimgħat biss wara li ntemmet l-inkjesta li swiet lill-pajjiż €7.5 miljun u li investigat allegazzjonijiet ta’ ħasil ta’ flus mill-istess bank. 

Apparti s-sid, Ali Sadr Hasheminejad, Repubblika fakkret li l-inkjesta ssemmi lil dawn il-persuni: Mehmet Tasli, li kien Operations Supervisor tal-Bank Pilatus; Rivera Luis Felipe li kien direttur u segretarju tal-bord tal-bank; Ghambari Hamidreza, direttur ieħor tal-Pilatus; Ali Sadr Hasheminejad u Antoniella Gauci li kienet iċ-Chief Risk Officer tal-bank Pilatus.

B’reazzjoni għal dak żvelat mill-midja, il-President tal-organizzazzjoni Repubblika, Robert Aquilina, saħaq li dan ifisser biss li l-mandati ta’ arrest tħallew “f’xi xkaffa jew f’xi kexxun ta’ skrivanija fid-Depot jew fl-FCID.”

Fakkar li l-akkużi li għandhom jiffaċċjaw dawn il-persuni “mhumiex akkużi taċ-ċajt.” Il-Maġistrat irrakkomanda li kontra dawn in-nies jittieħdu passi kriminali b’rabta mal-liġijiet dwar il-ħasil tal-flus. 

Kopja tar-rapport ippreżentat lill-Kummissarju Gafà
Kopja tar-rapport ippreżentat lill-Kummissarju Gafà
Kopja tar-rapport ippreżentat lill-Kummissarju Gafà
Kopja tar-rapport ippreżentat lill-Kummissarju Gafà
Kopja tar-rapport ippreżentat lill-Kummissarju Gafà
Kopja tar-rapport ippreżentat lill-Kummissarju Gafà

“Hija tassew ħasra; huwa tassew ta’ dispjaċir; li anke meta f’idejh il-Kummissarju Gafà għandu inkjesta ta’ iktar minn nofs miljun paġna ... aħna jkollna bilfors niġu hawn biex forsi nċaqalquh u jagħmel xi ħaġa,” insista Aquilina.

Akkuża lill-Kummissarju u anke lill-Avukat Ġenerali, bi tkaxkir tas-saqajn u saħaq li għal dan qed iħallsu n-negozji, il-ħaddiema, iż-żgħażagħ u t-tfal.

S’issa, il-Pulizija ħadu biss passi kontra l-bank Pilatus bħala entità finanzjarja u anke kontra l-eks uffiċjali legali Claude Anna Sant Fournier. Kemm il-bank u anke Sant Fournier, huma akkużati b’ħasil ta’ flus. 

Fakkru wkoll li huma qed jitolbu li jiġi investigat l-eks Prim Ministru Joseph Muscat wara allegazzjonijiet li tħallas għexieren ta’ eluf ta’ ewro minn kumpanija fl-Iżvizzera li kienet irċeviet miljuni ta’ ewro mill-ftehim tal-VGH.

“Għadna qed nistennewhom ukoll li jieħdu passi fil-konfront ta’ tliet eks Ministri – Chris Cardona, Edward Scicluna u Konrad Mizzi – li wara battalja legali qalila ta’ Repubblika rnexxielna npoġġuhom taħt inkjesta maġisterjali,” kompla Aquilina.

Temm jisħaq li Repubblika mhux se tieqaf qabel tara li ssir ġustizzja “ma’ min tradixxa u seraq lil dan pajjiżna u lill-poplu tagħna.”

More in Politika