Sentejn ta' Robert: Fejn ibbrilla, fejn biddel, fejn falla u fejn baqa' kollox kif dejjem kien!

Robert Abela kellu sentejn ta' intoppi. Kien hemm fejn il-Gvern tiegħu biddel, irriforma u laqa' għall-isfidi. Imma kien hemm fejn baqa' kollox l-istess u fejn ta' madwaru ħamrulu wiċċu biż-żelqiet tagħhom...

Għaddew sentejn minn meta Robert Abela nħatar Prim Ministru ta' Malta wara li rebaħ b'mod konvinċenti elezzjoni fi ħdan il-Partit Laburista. F'dawn iż-żewġ paġni nagħtu ħarsa lejn dawn is-sentejn li għaddew u kif - fil-ġudizzju ta' din il-gazzetta - mar il-Gvern ta' Abela fuq kull wieħed minn dawn l-oqsma. Għal kull wieħed minn dawn is-setturi l-gazzetta tagħti marka minn 10 u tanalizza fil-qosor. 

Covid-19 (7/10) 

Meta kien elett Abela, lanqas qatt ma seta' jimmaġina li kien se jiffaċċja l-akbar sfida u kriżi dinjija u nazzjonali, li qatt iffaċċjat din il-gżira, mit-Tieni Gwerra Dinjija. Il-Covid-19 ġabet magħha deċiżjonijiet diffiċli mnebbħin mill-gwida jew tal-Organizzazzjoni Dinjija tas-Saħħa jew tal-pajjiżi oħrajn tal-Unjoni Ewropea. Linji gwida ħadd ma kellu u żbalji saru kullimkien. L-għafsa ħassewha miljuni u biljuni ta' nies, u mijiet ta' pajjiżi - inkluż Malta li kellha tagħlaq l-ajruport, li huwa l-pulmun tal-pajjiż.  

Minkejja dan kollu, minkejja li t-turiżmu waqaf b'mod komplet (xi ħaġa li qatt ma ġrat kemm ilu jeżisti t-turiżmu) u minkejja li għal madwar tliet xhur Malta - bħal ħafna mid-dinja - kienet imsakkra, jinħass li fil-biċċa l-kbira l-pajjiż, in-negozji, ħaddiema u l-familji baqgħu jew għaddejjin saħansitra tajjeb jew inkella fil-wiċċ.  

L-akbar kontributuri għal dan kienu l-Wage Supplement - li għenet biex jiġu salvagwardjati eluf ta' impjiegi, il-vouchers li taw imbuttatura tajba ħafna lill-aktar setturi li ħadu daqqa ekonomika, l-għajnuniet fil-kirjiet u l-moratorji li taw ftit nifs fuq il-kwistjoni tal-kirja fi żmien ta' negozju batut immens (jew żero) u inizzjattivi relatati mat-turiżmu, biex kienu mħeġġin u mgħejjuna lukandi u akkomodazzjoni differenti. Il-Gvern ħabbar roħs fil-kontijiet għan-negozji filwaqt li kien ukoll ħabbar għotjiet ta' darba għal barijiet u każini, fost oħrajn, li kellhom jibqgħu magħluqin aktar minn stabbilimenti oħrajn.  

Pero' l-marka għolja għall-Gvern tiġi wkoll quddiem il-fatt li Malta kienet fuq quddiemnett fir-rata ta' vaċċinazzjoni tal-ewwel żewġ dożi u reġgħet mill-ġdid tinsab fuq quddiem fl-għoti tal-boosters. Li juri illi s-sistema tas-saħħa kienet preparata u organizzata, kif ukoll li l-Gvern kien effettiv fil-messaġġ tiegħu biex in-nies jitlaqqmu! 

Naturalment kull pass, kull tħabbira ta' miżuri u restrizzjonijiet dejjem kienu milqugħin minn ħafna kritika. Fil-fatt il-Pandemija kienet karaterizzata minn deċiżjonijiet li kienu bħal xafra taqta' miż-żewġ naħat, bil-Gvern ikun fil-qalba ta' kritika ħarxa meta ppermetta li jidħlu turisti (studenti)  mhux imlaqqmin. Din ir-rabja u l-kritika iżda ħafna drabi nħass li ġiet newtralizzata mill-azzjonijiet u l-miżuri li ħa l-Gvern biex l-ekonomija ma tikkrollax u biex il-qgħad seta' jibqa' f'livelli baxxi ħafna.  

Ta' min wieħed ukoll ma jissottovalutax l-effett li kellu l-fatt li s-settur tal-kostruzzjoni, bis-servizzi u negozji kollha anċillari tiegħu (tal-għamara, taż-żebgħa, aċċessorji tad-dar, electicians, mastrudaxxi...) baqa' għaddej b'rittmu mgħaġġel ħafna, anke waqt l-agħar tal-pandemija.   

Governanza (5/10) 

Meta nħatar Prim Ministru Abela, il-Gvern u l-Partit Laburista kienu mheżża minn elenku ta' skandli, akkużi u allegazzjonijiet. Il-Gvern ta' Muscat niżel mill-poter f'nofs tensjoni kbira, protesti u r-riżenji ta' Konrad Mizzi u Keith Schembri - li kienu msejħin l-għassa tal-pulizija. Dan it-terremot politiku seħħ hekk kif kien arrestat Yorgen Fenech li kien akkużat illi huwa l-moħħ wara dan l-assassinju li allega quddiem il-Pulizija illi l-allegat mandant fil-fatt kien Keith Schembri.  

Abela jiġifieri wiret sitwazzjoni xejn feliċi u waħda politikament volatili li kienet qed tilħaq livelli perikolużi ta' tensjoni u firda.  

Minn naħa Abela ġab bidla f'dawn is-sentejn, minn naħa l-oħra din il-bidla ma kinitx biżżejjed u ġiet newtralizzata wkoll. Kif?  

Taħt Abela saru riformi u qed isiru riformi fil-fatt li kienu ilhom biex isiru: Ir-riforma fil-Ġudikatura: Kemm il-ħatra u anke kif jitneħħa ġudikant, il-mod kif jinħatar l-Ombudsman u anke l-President tar-Repubblika, fejn issa daħal il-kunċett taż-żewġ terzi. Inbidel il-mod kif jinħatar il-Kummissarju tal-Pulizija, għalkemm il-Gvern żamm ċerta poter li finalment xorta jagħżel hu u daħlu diversi regolamenti u riformi oħrajn b'risposta għar-rakkondazzjonijiet tal-Kummssjoni Venezja u anke tal-Moneyval - li fil-fatt għaddiet lil Malta mit-test tagħha fir-rigward tal-ġlieda kontra l-ħasil flus. Sakemm wasal il-vot tal-FATF mingħand l-Istati Uniti, il-Ġermanja u r-Renju Unit, li tefa' l-ħidma tal-Gvern ta' Abela f'dan il-qasam il-baħar, sa ċerta punt, u naturalment għafas l-ingassa fuq il-Gvern biex jieħu miżuri aktar drastiċi.  

Apparti dan iżda Abela kien iffaċċjat darba wara oħra bi żbalji li għamlu numru ta' Ministri jew eks poltiċi fil-Labour - l-aktar fi żmien Muscat. Jiġifieri minkejja t-tneħħija ta' Konrad Mizzi, Keith Schembri, il-Kummissarju tal-Pulizija, Neville Gafa' u oħrajn, hu kellu jiffaċċja diversi sfidi oħrajn ta' governanza ħażina, mhux l-inqas ir-rapport skjaċċanti tal-Inkjesta Pubblika fil-qtil ta' Daphne Caruana Galizia, li tefa' dawl ikrah fuq it-tmexxija ta' Muscat u kif qawwiet ta' poter (Keith Schembri) tħallew joperaw b'impunità ma' qawwiet ta' negozju (Yorge Fenech et al) bil-konsegwenza li nħoloq l-ambjent perfett biex seta' jiġi esegwit l-assassinju.  

Ma' dan kellu l-uġigħ ta' ras tas-senserija ta' Rosianne Cutajar, l-allegazzjonijiet kontra Carmelo Abela (sa issa mhux sostanzjati b'ebda mod), l-messaġġi personali bejn Zammit Lewis u Yorgen Fenech u iktar riċenti d-deċiżjoni tal-Kummissarju tal-Istandards fir-rigward ta' kuntratt ta' €15,000 minn Justyne Caruana, lis-sieħeb tagħha. Imbagħad id-Deputat Ian Castaldi Paris ma ddikjarax madwar €300,000 u r-riżenja tad-Deputat Silvio Grixti li qed ikun investigat mill-Pulizija. L-istampa kollha hija iżda li fil-każ ta' Justyne Caruana kien hemm riżenja minn Ministru tal-Edukazzjoni, Cutajar minn Segretarjat Parlamentari, Castaldi Paris irtita l-kandidatura mal-Partit Laburista għall-elezzjoni ġenerali li jmiss u Grixti irriżenja minn Deputat.  

Minkejja l-ħidma li semmejna allura l-perċezzjoni popolari fl-aħħar sena u nofs kienet ta' Gvern li għandu wisq nies fi ħdanu li ħasbu għalihom, li fittxew li jistagħnew u li għamlu żbalji jew kisru l-etika mistennija mingħandhom -  fi kliem ieħor nuqqas ta' governanza tajba.  

Għalhekk Abela la jfalli miżerjament - għax passi tajbin saru, xi ħaġa rikonoxxuta mill-Kummissjoni Venezja, il-Moneyval u anke l-FATF stess u anke saru l-ewwel tentattivi ta' rikonċiljazzjoni mal-familja Caruana Galizia! Pero' ma jmurx tajjeb ħafna għax il-passi tajbin kienu newtralizzati mill-iżbalji, iż-żelqiet u l-azzjonijiet ta' ċerti membri fil-Kabinett, tal-lum u ta' qabel. 

Fuq il-kwistjoni tal-governanza wkoll Abela qed ikun akkużat li qed jilgħab bid-demokrazija biex fil-Parlament idaħħal il-Yes men. Għalkemm huwa veru li l-proċess tal-co-option qed jiġi użat (u abbużat xi ftit!) biex Abela jpoġġi nies fil-Parlament li huma "magħżulin tiegħu", wieħed ma jistax ma jinnotax li l-għażliet ta' Abela - Jonathan Attard, Andy Ellul, Oliver Scicluna, Miriam Dalli u anke Clyde Caruana, huma kollha relattivament żgħażagħ, politiċi nodfa, teknokratiċi jew ġejjin minn ambitu inqas politiku u ta' midja u li qed jagħtu dehra aktar friska lill-Grupp Parlamentari Laburista.  

Jiġifieri dawn il-manuvri, jekk xejn, huma messaġġ ċar lill-votant Laburist ta' x'tip ta' politiċi jippreferi madwaru Robert Abela.  

Ekonomija/flus fl-idejn (8/10) 

Kemm ilu l-Partit Laburista fil-Gvern saru elenku ta' miżuri li niżlu tajjeb ferm ma' sezzjonijiet kbar tal-poplu: tneħħija tat-taxxa tal-boll mill-ewwel jew it-tieni proprjetà - miżura li tat imbutattura lis-settur tal-propjetà u għenet lil ħafna żgħażagħ isiru sidien ta' darhom, kif seħħ b'ħemel miżuri bħal equity sharing jew inkella skemi li permezz tagħhom il-Gvern iħallas id-depożitu ta' 10% lil dawk li ma jistgħux.  

Il-Gvern preżenti żied il-pensjonijiet f'kull baġit, ħoloq u żied l-In Work Benefit għal ġenituri li jaqilgħu pagi baxxi, offra ċ-child care b'xejn  - servizz li normalment jiswa' l-eluf kbar, filwaqt li daħħal ukoll it-tapering tal-benefiċċji sabiex il-benefiċċju tal-qgħad ma jispiċċax mill-ewwel, malli persuna ssib xogħol. Ħoloq ħlasijiet lil dawk ir-romol li ma ħadmux u spiċċaw bla pensjoni u żied l-għajnuna lil dawk li jieħdu ħsieb lill-ġenituri tagħhom. 

Kien hemm diversi miżuri oħrajn li laqtu sezzjonijiet differenti tal-poplu wkoll matul l-aħħar disa' snin, inkluż fl-aħħar sentejn.  

Pero' l-Gvern ta' Abela qed jerfa' wkoll il-piż tal-prezzijiet ogħla tal-enerġija - bil-Eurostat turi li Malta u Lussemburgu kellhom l-orħos kontijiet f'Novembru 2021, u b'pajjiżna jżomm dawn il-prezzijiet f'din l-istabbilità għal matul is-sena kollha. Anke fil-każ tal-prezzijiet tal-fjuwils - li bħalissa qed iwasslu għal prezzijiet ħafna ogħla madwar l-Ewropa - il-Gvern ta' Abela qed jagħmel l-istess u allura jżomm l-għoli tal-prezzijiet 'il bogħod minn xtutna (għalissa għall-inqas!).  

Mhux l-istess jista' jingħad għall-prezzijiet tal-ikel - li qed jaraw żieda kollettiva u f'xi każi konsiderevoli minħabba diversi fatturi l-aktar: Iż-żieda qawwija fil-prezzijiet tal-qamħ u l-ġwież li jwassal għal żieda fil-prezzijiet tal-ħobż, ħalib, ċereali, ġobnijiet u aktar. Il-Brexit, li qed iwassal biex jonqsu u jiżdiedu fil-prezz prodotti mir-Renju Unit, kif ukoll żieda fil-prezzijiet ta' trasportazzjoni.  

Dawn huma kollha realtajiet li qed jgħafsu fuq il-but tal-poplu, speċjalment tal-ħaddiem u l-pensjonant, ta' dak li jaqlagħha u jikolha.  

Il-Gvern ta' Abela jaf li jikkontrolla l-prezzijiet ma jistax, pero' jaf ukoll li hi x'inhi r-raġuni u valida kemm hi valida, l-għoli tal-ħajja dejjem iġġib magħha tgergir, biża', nuqqas ta' kunfidenza u inqas infiq! Affarijiet li f'nofs pandemija, ma tantx għandu aptit il-poplu u lanqas il-Prim Ministru! 

Jinħass ukoll li l-Gvern irnexxielu jżomm lill-kuntratturi l-kbar u anke dawk żgħar kuntenti, kemm b'injezzjonijiet ta' flus u skemi, kemm bit-tħaffif tal-mod kif joħorġu l-permessi u anke bi tqassim ta' tenders u xogħol - xi kultant u sfortunatament mhux bl-aktar modi trasparenti jew inkella b'xi direct order miljunarju.  

Ambjent (4/10) 

F'kollox issib it-tajjeb u l-ħażin. Proġetti ta' fejda saru fil-qasam tal-ambjent u anke inizzjattivi tajbin ittieħdu fl-aħħar sentejn f'dan il-qasam. Fosthom il-projbizzjoni tas-single use plastics, diversi inizjattivi ta' tħawwil ta' siġar bħal f'Bengħisa kif ukoll il-qalba ta' miżbla f'post imsaġġar f'Wied Fulija u anke għaddej proġett simili fil-Qortin. Qed jittieħdu inizzjattivi tajbin ukoll ta' lokalitajiet iktar ħodor f'diversi toroq fi bliet u rħula. Kien hemm ukoll it-tħabbir ta' proġetti li se jibdew bħax-Shore-to-Ship f'Birżebbuġa kif ukoll it-tneħħija tat-tankijiet tal-fjuwil fl-istess lokalità.  

Minkejja dan il-pożittiv jeżisti sens qawwi ħafna ta' rabja fuq diversi aspetti ambjentali. L-ewwelnett, il-ħmieġ li hawn kważi kullimkien: karti, plastik, kaxxi - kollox itir mar-riħ. Il-kampanja wkoll qed tisfa' vittma ta' ħmieġ li għadu qed jintefa' b'mod mill-aktar irresponsabbli. Mixja fil-kampanja tlaqqgħek ma' kull tip ta' ħmieġ. Din hija verament traġedja li l-Gvern ta' Abela evidentement mhux jagħmel biżżejjed dwarha!  

Iktar minn hekk iżda settur b'saħħtu ħafna ta' kostruzzjoni, qed iwassal biex il-krejn sar karatteristika komuni fl-irħula tagħna u ċerti żoni bħal Paceville u l-Qawra saru qishom sit ta' kostruzzjoni perpetwa.  

L-aċċettazzjoni tal-iżball gravi li kien għamel Gvern Nazzjonalista fl-2006, meta estenda l-konfini tal-iżvilupp, minn Robert Abela u l-Ministru Aaron Farrugia, ma jgħinx wisq biex iqawwi qalb dawk li jħossu illi l-konkrit sar jiddetta kollox f'Malta.  

Biex tkompli żżid ma' dan kollu fl-aħħar xhur kien hemm kwistjoni oħra - din id-darba dwar yacht marina f'Wied il-Għajn li wkoll qajmet ħafna oppożizzjoni u wasslet biex l-għaqdiet kollha lokali kienu voċiferi kontra it-teħid tal-baħar ukoll għal fini tal-iżvilupp.  

Dan jingħaqad ma' diversi każi ta' teħid ta' art agrikola biex jitwessgħu jew isiru toroq. F'xi każi anke jekk it-toroq ikunu bżonnjużi u l-proġett ikun sabiħ, ċerta arroganza li biha daħlu gafef fuq art agrikola jew il-mod kif bdiewa - min imexxi entità - jgħidilhom 'gawdejtu l-art biżżejjed', turi wkoll livelli ta' arroganza li ddejjaq u tnaffar lill-votanti.  

Abela, ma jistax jingħad li wettaq xi differenza f'dan is-settur, anzi jinħass u jidher ċar fis-sondaġġi xjentifiċi li l-inkwiet ambjentali kompla jiżdied. Għalhekk filwaqt li l-kuntratturi u kull min jaqla' ħobżu mill-kostruzzjoni huwa probabilment kuntent bit-trab u l-krejnijiet , il-marka għall-ambjent għal-Gvern ta' Abela jkollha tkun miżerabbli. 

Trasport, toroq u traffiku (6/10) 

L-aħħar sentejn raw proġetti kbar u xogħol estensiv isir fuq diversi toroq. Ir-realtà hija li kuntrarjament għall-Affarijiet Barranin, l-Inklussività jew l-Fondi Ewropej jew ir-Riċerka, proġetti ta' toroq jidhru u jintużaw kuljum u allura jaffetwa aktar il-ħsieb ta' persuna dwar dan il-qasam u l-qasam tal-Infrastruttura b'mod ġenerali.  

Fost il-proġetti li saru f'dawn is-sentejn hemm dak tal-Marsa, li kien wieħed mill-akbar proġetti ta' toroq li saru fl-aħħar snin li jestendi minn Triq Aldo Moro sar-roundabout ta' Santa Luċija, fejn inbniet ukoll underpass. Sar il-proġett tas-Central Link - minkejja numru ta' protesti minħabba qtugħ ta' siġar u li jestendi minn Ħ'Attard sa taħt l-Imdina u proġett kbir ieħor ta' toroq bħalissa f'Ħal Luqa, mal-ħruġ mill-Ajruport Internazzjonali ta' Malta. Jiġifieri xogħol qed isir u jidher li qed isir.  

Il-pożittiv ta' dawn il-proġetti kbar - anke minħabba l-fatt li tlestew bejn wieħed u ieħor skont il-miri ppjanati - kien imċajpar xi ftit b'numru ta' kwistjonijiet. L-ewwelnett it-teħid ta' art agrikola jew tneħħija ta' siġar b'nuqqas ta' rispett lejn bdiewa f'xi drabi u b'nuqqas ta' konsultazzjoni. It-tieni l-fatt li l-proġett tal-Marsa - kbir kemm kien kbir - ma qatax it-traffiku għal kollox. U hawnhekk allura nsemmu t-traffiku.  

Minkejja dawn il-proġetti kollha u oħrajn li saru madwar il-pajjiż kull min isuq jgħidlek li t-traffiku għadu problema u jkun hemm ġranet fejn it-traffiku jkun prevalenti kważi kullimkien. Fuq dan il-punt il-Gvern ta' Abela ma għamilx biżżejjed differenza għaliex 1) baqa' jinċentiva l-użu tal-karozzi, bħal kull Gvern qablu u allura bqajna wieħed mill-aktar pajjiżi bl-aktar karozzi ras għal ras fl-UE u 2) Għadu ma għamilx il-qabża kbira u neċessarja 'l quddiem lejn trasport pubbliku ħafna iktar effiċjenti u modern.  

Għalhekk fuq dan il-punt ħafna mill-ġudizzju finali ta' Abela se jkun fuq il-proġett tal-Metro: L-ewwelnett jekk isirx, it-tieni jekk iżommx mal-miri taż-żmien, it-tielet jekk jiġux rispettati l-ambjent u anke l-bżonnijiet tan-nies, jekk il-proċess biex isir il-proġett ikunx trasparenti u nadif u finalment jekk ikollux pjan serju u fattibbli ta' x'se jagħmel bl-iskart ta' kostruzzjoni!  

More in Politika