Il-kumpanija tal-IT C-Planet Ltd ingħatat multa ta’ €65,000 wara li investigazzjoni mill-Kummissarju għall-Protezzjoni tad-Data sabitha ħatja ta’ ksur tas-sigurtà meta esponiet informazzjoni dwar 330,000 votant.
Il-Kummissarju ta wkoll struzzjonijiet lill-kumpanija biex immedjatament tħassar l-informazzjoni personali kollha li tinsab maħżuna fuq database partikolari u difettuż li wassal biex din l-informazzjoni tispiċċa pubblika.
Ir-rapport sab li l-kumpanija kissret diversi liġijiet, fosthom illi naqqset milli tinnotifika lill-Kummissarju dwar dan l-inċident.
L-informazzjoni li spiċċat żvelata kienet tinkludi l-karti tal-identità, l-ismijiet, l-indirizzi, il-ġeneru u anke n-numru tat-telefon ta’ madwar 75% tal-popolazzjoni.
Il-każ ħareġ fil-beraħ fid-29 ta’ Frar 2020 meta riċerkatur tas-sigurtà ppubblika d-dettalji tal-vulnerabbilità tas-server li tuża din il-kumpanija.
Il-kumpanija kienet tipprovdi servizzi lill-kunsilli lokali tal-Belt Valletta, Bormla, l-Imdina, l-Isla, il-Birgu, San Pawl il-Baħar, Ta’ Xbiex, Marsaxlokk, Wied il-Għajn, Birżebbuġa, il-Furjana, Tas-Sliema, Santa Venera, in-Naxxar u Ħal Qormi.
Il-Fondazzjoni Daphne u anke l-kandidat indipendenti Arnold Cassola kienu talbu lill-Kummissarju tad-Data biex jinvestiga dan il-każ.