Il-mandati ta' arrest għall-uffiċjali tal-bank Pilatus għadhom ma nħarġux minkejja li ilhom sena ffirmati

Il-Maġistrat Ian Farrugia ffirma l-mandati tliet xhur wara li ffinalizza l-inkjesta ta’ €7.5 miljun dwar allegazzjonijiet ta’ ħasil ta’ flus mill-istess bank 

Minkejja li ilhom minn Marzu tal-2021 iffirmati mill-Maġistrat Ian Farrugia, il-mandati ta’ arrest internazzjonali kontra s-sidien u uffiċjali għolja tal-Pilatus Bank baqgħu ma nħarġux.

Irrapportat dan il-gazzetta MaltaToday li spjegat kif il-Maġistrat Farrugia ffirma l-mandati tliet xhur wara li ffinalizza l-inkjesta ta’ €7.5 miljun dwar allegazzjonijiet ta’ ħasil ta’ flus mill-istess bank. 

Il-mandanti għandhom jinħarġu għas-sid tal-Bank Ali Sadr Hasheminejad, il-kap tal-operat Luis Rivera u d-direttur Hamidreza Ghambari fost uffiċjali oħra.

S’issa, il-Pulizija ħadu biss passi kontra l-bank bħala entità finanzjarja u anke kontra l-eks uffiċjali legali Claude Anna Sant Fournier. Kemm il-bank u anke Sant Fournier, huma akkużati b’ħasil ta’ flus. 

Ta’ min ifakkar li anke l-inkjesta l-famuża inkjesta Egrant kienet irrimarkat u qajmet dubju fuq l-operat tal-bank u possibbilitajiet ta’ ħasil ta’ flus.

X’ġara fl-aħħar xhur?

Il-bank, li l-liċenzja tiegħu kienet ġiet revokata, kien weħel multa ta' €5 miljun wara l-investigazzjoni tal-FIAU.

Il-bank kien fiċ-ċentru ta’ ħafna kontroversji mhux biss minħabba kontijiet li kellu fih imma wkoll minħabba sidu Ali Sadr Hasheminejad, li kien akkużat bi frodi fl-Istati Uniti u li ma nstabx ħati fuq numru ta' teknikalitajiet legali. 

Fil-fatt il-bank kien ingħalaq fi Frar tal-2018 wara l-arrest ta' Hasheminejad, bil-liċenzja tiegħu tkun revokata mill-Bank Ċentrali Ewropew.

Il-bank kien implikat ukoll fil-kwistjoni Egrant. Fil-fatt, il-ġurnalista Daphne Caruana Galizia kienet kitbet li $1 miljun kienu għaddew mill-familja Aliyev tal-Ażebajġan għal kont ta' mart l-eks Prim Ministru Joseph Muscat.

Dwar dan kienet saret inkjesta maġisterjali, liema inkjesta ma kinitx sabet prova li Egrant kienet tal-familja Muscat u li għaddew dawn il-flus.

Madanakollu, sadanittant, nuqqasijiet oħra tal-Bank Pilatus, fosthom kontijiet ta' diversi uffiċjali mill-Ażebarjġan, poġġew lill-bank taħt il-lenti ta' investigaturi finanzjarji.

Wara l-arrest ta' Hasheminejad, l-MFSA kienet bdiet investigazzjoni, flimkin mal-FIAU fuq kull tranżazzjoni li kellu l-bank.

Fl-investigazzjoni tagħha, li r-riżultati tagħha saru magħrufa din il-ġimgħa, l-FIAU sabet nuqqasijiet serji ta' dokumentazzjoni dwar klijenti ta' dan il-bank u nnutat kif f'ħafna każi l-bank la kellu dokumenti biex juru kif miljuni kbar spiċċaw f'kontijiet ta' klijenti u lanqas kif seta' jispjega diskrepanzi ċari.

Fost dawn il-bank ma setax juri kif kont ta' klijent partikolari kellu €20 miljun fih, ma setax jipprova s-sors tal-ġid ta' klijent li kellu €100 miljun fil-kontijiet fil-Pilatus u f'każ ieħor il-bank ma setax jispjega diskrepanza ta' klijent li kellu dħul ta' €10 miljuni fil-kont, pero li ddikjara paga ta' €190,000 fis-sena. 

Ma fhimtx eżatt x'ġara dwar il-Pilatus? Agħfas hawn biex issir taf aktar.

More in Politika