'Mela deċiżjoni bħal din tagħmel sens qabel elezzjoni?' - Deputati Laburisti urtati għal Caruana

"Mela mhux aħna irridu niffaċċjaw lin-nies irrabjati," qal wieħed mis-sorsi li tkellmu mal-gazzetta u li sostna li l-Grupp Parlamentari tħalla fil-għama dwar din ir-riforma

 

Ministri u anke Deputati kollegi tal-Ministru Clyde Caruana esprimew rabja u anke tħassib fuq ir-riforma li ħabbar propju din il-ġimgħa fl-Air Malta li se tfisser illi 400 ħaddiem tal-Linja Nazzjonali tal-Ajru se jitneħħew mill-kotba ta' din il-kumpanija u ser jingħataw impjieg ieħor mal-Gvern. 

Deputati u anke Ministri esprimew rabja għal din id-deċiżjoni minħabba żewġ raġunijiet. Wieħed mid-Deputati li tkellmu mal-ILLUM sostna illi minkejja li fl-istess ħin li kienet għaddejja l-Konferenza tal-Aħbarijiet tal-Ministru Clyde Caruana, kienet għaddejja Laqgħa tal-Grupp Parlamentari tal-Partit Laburista illi fiha fl-ebda ħin ma kienu infurmati dwar dan il-pass hekk importanti. 

"Mela mhux aħna irridu niffaċċjaw lin-nies irrabjati," qal wieħed mis-sorsi li tkellmu mal-gazzetta u li sostna li l-Grupp Parlamentari tħalla fil-għama dwar din ir-riforma. 

Is-sorsi kollha li tkellmu mal-ILLUM esprimew tħassib kif riforma bħal din tħabbret "lejliet" elezzjoni, hekk kif huwa fatt magħruf li ħafna mill-ħaddiema li se jkunu qed jiċċaqilqu fil-fatt huma votanti tradizzjonalment Laburisti. 

Pero' dawk kollha li tkellmu ma' din il-gazzetta esprimew tħassib ukoll għal-lingwaġġ u t-ton li uża Caruana fil-Konferenza tal-Aħbarijiet, speċjalment għall-fatt li l-messaġġ li għadda Caruana tefa' dawk ikrah fuq il-predeċessuri tiegħu fuq l-Air Malta, speċjalment Edward Zammit Lewis u anke Silvio Schembri. 

Fil-fatt fil-konferenza Caruana - apparti li qal illi d-deċiżjonijiet li kellhom jittieħdu ma ttieħdux, giddeb lill-eks Ministru Konrad Mizzi dwar suppost profitt li għamlet il-Linja Nazzjonali fl-2018 u l-2019. Huwa reġġa' lura wkoll deċiżjoni li kien ħa Mizzi dwar xiri ta' tip ta' ajruplani.

"Dan qisu jagħmel l-affarijiet u jaħdem waħdu," ilmenta sors li ammetta iżda li l-bidliet li ħabbar Caruana huma meħtieġa. 
"Il-problema mhux humiex meħtieġa jew le l-passi li ħabbar. Kumpanija serja u privata hekk trid titmexxa.  Il-problema hija l-mod kif jingħata l-messaġġ u meta jingħata. Mela issa ġejja elezzjoni tagħmel sens din?" staqsa wieħed mill-persuni li tkellmu mal-ILLUM. 

Caruana tant hu konxju ta' din ir-rabja u tħassib fil-Grupp Parlamentari li mal-ġurnalisti insista diversi drabi li dawn huma "deċiżjonijiet li jagħmlu sens kummerċjali, mhux sens politiku." 

Sors ieħor fil-Kabinett saħaq illi dak li qed idejjaq lil ċerti elementi fil-Grupp Parlamentari huwa l-mod kif "jitlaq jiġri fi kliemu. Ma għandniex għalfejn inkunu daqshekk iebsin man-nies u anke mal-predeċessuri tiegħek" saħaq. 

Dan is-sors ammetta, għalkemm mhux b'wisq dispjaċir, li bi kliemu u bid-deċiżjonijiet tiegħu Clyde Caruana "ġab dak li għamel Konrad Mizzi trab." 

Ara x'qal il-PM Robert Abela dwar l-Air Malta ilbieraħ. 

 

More in Politika