'Mhux qed intellgħu x-xorti;' Il-UĦM tisħaq li l-kwarantina għandha tkun ibbażata fuq ix-xjenza

Turi t-tħassib tagħha għall-pożizzjoni tal-Kamra għall-Intrapriżi Żgħar u Medji u anke tal-Partit Nazzjonalista li qed jipproponu li l-kwarantina titnaqqas għal ħamest ijiem biss

Il-UĦM Voice of the Workers saħqet li d-deċiżjonijiet li jittieħdu dwar il-kwarantina jew inkella l-iżolament ma għandhomx jittieħdu b'mod arbitratrju daqslikieku "qed jittellgħu n-numri bix-xorti," iżda insistiet liu għandhom jibqgħu jkunu bbażati fuq ix-xjenza.

Fi stqarrija, il-unjin saħqet li tinsab imħassba bil-pożizzjoni tal-Kamra għall-Intrapriżi Żgħar u Medji u anke tal-Partit Nazzjonalista li qed jipproponu li l-kwarantina titnaqqas għal ħamest ijiem biss għal dawk pożittivi. 

Insistiet li l-pożizzjoni tagħhom hija ibbażata biss fuq dik taċ-Ċentru għall-Kontroll tal-Mard (CDC) tal-Istati Uniti waqt li appellat biex Malta tibqa’ timxi fuq dak li jgħid iċ-Ċentru Ewropew għall-Prevenzjoni u l-Kontroll tal-Mard (ECDC).

"Filwaqt li l-Union tifhem il-frustrazzjoni li hawn minħabba li l-pandemija għadha magħna, tinnota li dan is-sentiment hu wkoll riżultat ta’ dikjarazzjonijiet populisti li saru fil-passat fosthom li “ntrebħet il-gwerra kontra l-Covid-19” u li l-vaċċin kien ta’ d-daqqa tal-mewt lill-pandemija. Sfortunatament, ir-realtà hi differenti kif jindikaw iċ-ċifri ta’ każi ġodda u l-imwiet li jkunu pubblikati ta’ kuljum," insistiet l-isqarrija.

 Aqra wkoll: 'Ħadna l-vaċċin, ħadna l-booster mela issa ħalluna ngħixu mhux taqfluna fi kwarantina’

Saħqet ukoll li fuq kwistjoni bħal din li tolqot direttament id-drittijiet u l-kundizzjonijiet tax-xogħol tal-ħaddiema, partit politiku li jkun se jipproponi xi bħala din, għandu jikkonsultaha.

Temmet tisħaq biex il-protokolli tas-saħħa jkunu bbażati fuq l-evidenza u mhux fuq l-aġenda tal-politiċi jew inkella xi "pressure group."

"L-Union temmen li t-triq ’il quddiem għandha tkun dik ibbażata fuq il-pożizzjoni li kien ħa l-Kap tal-Partit Nazzjonalista f’Marzu li għadda meta kien sostna li – “għandhom ikunu l-Awtoritajiet tas-Saħħa li jieħdu d-deċiżjonijiet u mhux il-politiċi”. Dan il-prinċipju għandu jibqa’ japplika għal kull politiku, union u għaqdiet ta’ min iħaddem," temmet tgħid il-unjin.

More in Politika