Jitwaqqaf kumitat ta' esperti sabiex janalizza l-istat tal-ġurnaliżmu u s-settur tal-midja f’Malta

Imexxi mill-Imħallef Michael Mallia dan il-kumitat se jaħdem fuq emendi leġiżlattivi, fosthom kontra kawżi SLAPP

L-Imħallef Michael Mallia se jkun qiegħed imexxi kumitat ta' esperti biex janalizza l-istat tal-ġurnaliżmu u s-settur tal-midja f’Malta. Dan il-kumitat ġie mwaqqaf wara r-rikomandazzjoni tal-Inkjesta Pubblika ta' Daphne Caruana Galizia, l-istess inkjesta mmexija mill-Imħallef Mallia.

Wieħed mill-ewwel kompiti tal-kumitat huwa li jeżamina l-abbozz ta' emendi leġiżlattivi mħejjija mill-gvern wara konsultazzjonijiet imwettqa mal-partijiet interessati ewlenin. Fost dawn l-emendi insibu;

  • Emenda dwar il-protezzjoni tal-ġurnalisti kontra kawżi strateġiċi kontra l-parteċipazzjoni pubblika – dispożizzjoni kontra l-iSLAPP – dan sabiex jiġi minimizzat kwalunkwe piż finanzjarju żejjed fuq il-konvenut, u tiġi limitata l-eżekuzzjoni tas-sentenza
  • Emenda għall-Att dwar il-Midja u l-Malafama li tindirizza s-sitwazzjoni fejn ġurnalist (jew kittieb) jew editur imut meta jkunu bdew proċeduri ċivili għal malafama kontrihom
  • Emenda għall-Kodiċi Kriminali, biex tipprovdi żieda fil-piena għal reati kontra ġurnalist 
  • Emenda għall-Artikolu 41 tal-Kostituzzjoni dwar id-dritt għal-libertà tal-espressjoni biex jiġi żgurat li l-libertà u l-pluraliżmu tal-midja u l-importanza tar-rwol tal-ġurnalisti jiġu rispettat.

Il-pass li jmiss għall-kumitat ta' esperti

Il-Kumitat ta' Esperti għandu mandat ta' sena. Madankollu, intalab li jagħti risposta fix-xahrejn li ġejjin dwar l-abbozzi ta’ liġijiet imħejjija mill-gvern biex tissaħħaħ il-protezzjoni tal-ġurnalisti.

Ladarba l-kumitat jikkonkludi l-ħidma tiegħu, ir-rapport jiġi ppreżentat lill-Prim Ministru, li se jkun marbut li jressaq kopja tiegħu fil-Parlament fi żmien 10 ijiem.

Il-kumitat huwa magħmul minn Matthew Xuereb, assistent editur tat-Times of Malta u President tal-Istitut għall-Ġurnalisti Maltin; Kurt Sansone, wieħed mill-edituri tal-MaltaToday u Segretarju Ġenerali tal-IĠM; espert tal-media Prof. Carmen Sammut; l-eks chairman u avukat tal-Kummissjoni għall-Etika tal-Istampa ta’ Malta Kevin Dingli; Is-sid ta' Mediatoday Saviour Balzan; Il-kap editur indipendenti ta’ Malta Neil Camilleri; u l-kriminologu Prof. Saviour Formosa.

Fid-dawl ta' dan u tal-istess Inkjesta Pubblika beda' jiffunzjona wkoll ​Kumitat għar-Rakkomandazzjoni ta’ miżuri għall-ħarsien ta’ ġurnalisti, persuni oħra tal-midja u persuni fil-ħajja pubblika, magħmul mill-Kummissarju tal-Pulizija bħala Chairperson tal-Kumitat flimkien mal-Kap tas-Servizz tas-Sigurtà ta’ Malta u l-Kmandant tal-Forzi Armati ta’ Malta.

Il-kompitu ta' dan il-kumitat huwa li jiddeċiedi dwar miżuri li jindirizzaw ir-riskji identifikati waqt li jiġi maħsub pjan ta' sigurtà li jipprovdi protezzjoni meħtieġa lill-ġurnalisti u persuni oħra tal-midja. Madankollu l-emendi proposti msemmija hawn fuq se jipprovdu bażi legali għall-kumitat.

More in Politika