Mill-2003 sal-2017: Il-PN għarkupptejh iżda jirnexxielu jżomm appoġġ qawwi fid-disa’ distrett

Il-gazzetta ILLUM tkompli bil-ħarsa tagħha distrett distrett lejn ir-riżultati li kisbu ż-żewġ partiti l-kbar fl-aħħar erba’ elezzjonijiet ġenerali. Din il-ġimgħa jmiss id-disa’ distrett 

Wara waqfa għall-gazzetta tal-Milied u dik tal-Ewwel tas-Sena, il-gazzetta ILLUM qed tkompli bis-sensiela ta’ artikli li matulhom, hekk kif issa ninsabu fis-sena tal-elezzjoni ġenerali, qed tagħti rendikont u tanalizza s-sitwazzjoni tal-Partit Laburista u tal-Partit Nazzjonalista fid-distretti elettorali, mill-Elezzjoni Ġenerali tal-2003 sa dik tal-2017. 

Illum imiss id-disa’ distrett elettorali, li jinkludi l-lokalitajiet ta’ Ħal Għargħur, l-Imsida u ż-żona tas-Swatar, San Ġwann u ż-żona tal-Kappara, is-Swieqi u ż-żona tal-Madliena u anke l-lokalità ta’ Ta’ Xbieb. 

F’dan id-distrett, forsi bil-kuntrarju ta’ dak li rajna fil-bqija tad-distretti sa issa, il-Partit Nazzjonalista rnexxielu jżomm appoġġ pjuttost b’saħħtu anke jekk dan ġieli żdied u ġieli naqas xi ftit. Madanakollu, anke meta naqas, il-Partit Nazzjonalista xorta waħda żamm maġġoranza komda fih. 

2003: Maġġoranza komda għall-PN; Jeleġġi tliet siġġijiet b’mod komdu 

Kif spjegajna fl-introduzzjoni ta’ dan l-artiklu, il-Partit Nazzjonalista minn dejjem kellu maġġoranza komda f’dan id-distrett. Fl-elezzjoni ġenerali tal-2003, meta l-Partit Nazzjonalista kien fl-aqwa tiegħu hekk kif kien għadu kemm rebaħ referendum għas-sħubija ta’ Malta fl-Unjoni Ewropea, kiseb l-appoġġ ta’ aktar minn 57% tal-votanti fid-disa’ distrett. 

Fil-fatt, il-Partit Nazzjonalista kiseb 11,948 vot, filwaqt li l-Malta Labour Party (kif kien jissejjaħ dak iż-żmien) kiseb l-appoġġ ta’ 8,723 vot jew inkella 41.83% tal-voti. 

Il-Partit Nazzjonalista, mal-ewwel għadd, eleġġa minnufih lil Joe Borg li kiseb 4,753 vot. 

It-tieni kandidat elett f’dan id-distrett, kien Leo Brincat, diġà veteran tal-Partit Laburista hekk kif kien ilu jiġi elett mill-1982 u anke serva bħala Ministru fi żmien il-Gvern ta’ Alfred Sant. 

Brincat kien elett fit-12-il għadd wara li kiseb 3,629 vot. Warajh, għall-Malta Labour Party, kien elett ukoll Adrian Vassallo li sal-15-il għadd kien kiseb 3,613-il vot. 

Il-Partit Nazzjonalista eleġġa wkoll lil Francis Zammit Dimech, dak iż-żmien Ministru għall-Ambjent. Huwa kien elett fl-20 għadd wara li kiseb 4,106 voti. 

Eventwalment, Zammit Dimech kien ċeda s-siġġu tiegħu f’dan id-distrett u minfloku ġie elett Joseph Falzon. 

Warajh fit-22 għadd, kienet eletta wkoll Dolores Cristina. Cristina kienet għadha kemm serviet l-ewwel leġiżlatura tagħha iżda ma kellha l-ebda rwol fil-Kabinet. Hija kienet eletta b’2,788 vot, jiġifieri b’inqas voti mill-kwota, li kienet ta’ 3,476 vot. 

Fil-fatt, f’din l-elezzjoni, il-Partit Nazzjonalista kellu 12-il kandidat. Apparti Joe Borg, il-bqija tal-voti nqasmu fost għadd ta’ kandidati oħra, li kienu popolari, fosthom anke George Pullicino. 

Ta’ min jgħid kif fl-ewwel għadd, George Pullicino kien kiseb aktar voti minn Dolores Cristina, iżda wara li ġie elett Joe Borg fl-ewwel għadd, Cristina wirtet aktar voti minnu u eventwalment spiċċat biex qabżitu u ġiet eletta. 

Il-Malta Labour Party kellu disa’ kandidati.  

2008: Il-PN jitlef ħafna appoġġ fuq bażi nazzjonali iżda jsaħħaħ l-appoġġ fid-disa’ distrett 

Jekk fl-2008, il-Partit Nazzjonalista rnexxielu jirbaħ biss l-elezzjoni ġenerali bi ftit għexieren ta’ voti, fid-disa’ distrett irnexxielu jżomm appoġġ b’saħħtu u saħansitra jżidu meta jqabblu ma’ dak tal-2003. 

Fil-fatt, f’din l-elezzjoni ġenerali, il-Partit Nazzjonalista kiseb l-appoġġ ta’ 61.12% tal-votanti f’dan id-distrett, jew aħjar kiseb 13,388 vot. Il-Malta Labour Party kiseb 7,928 vot jew 36.19% tal-voti. 

Forsi waħda mir-raġunijiet għaliex il-Partit Nazzjonalista kompla jżid l-appoġġ tiegħu f’dan id-distrett, minkejja r-riżultat li kiseb il-PN fuq bażi nazzjonali, kien il-fatt li kkontesta fuqu l-Prim Ministru Lawrence Gonzi. 

Huwa kważi kiseb l-ewwel preferenza ta’ dawk kollha li vvutaw lill-Partit Nazzjonalista f’dan id-distrett. Gonzi kien elett fl-ewwel għadd b’10,901 vot. 

It-tieni kandidat elett kien Leo Brincat li kien elett fid-19-il għadd bi 3,845 vot.  Il-Malta Labour Party eleġġa wkoll lil Adrian Vassallo li sal-21 għadd kien kiseb 4,358 vot. 

Apparti lil Gonzi, għal darb’oħra, il-Partit Nazzjonalista eleġġa lil Dolores Cristina li kienet għadha kemm serviet bħala Ministru għall-Familja u s-Solidarjetà Soċjali.  

Cristina kienet eletta fl-24 għadd b’4,190 vot. Fil-fatt, kienet hi l-kandidata l-aktar li wirtet mill-voti ta’ Lawrence Gonzi. 

Din id-darba, ikkontesta wkoll fuq dan id-distrett Robert Arrigo u mar minn taħt Francis Zammit Dimech, li din id-darba ma kienx elett minn dan id-distrett. 

Hekk kif apparti Gonzi, il-voti fost il-kandidati Nazzjonalisti kienu mifruxa, Arrigo ma laħaqx il-kwota ta’ 3,651 vot, iżda xorta waħda ġie elett fil-25 għadd wara li kiseb 3,040 vot. 

Eventwalment, Arrigo, li kien ġie elett ukoll mid-distrett tiegħu ta’ Tas-Sliema, kien ċeda s-siġġu tiegħu f’dan id-distrett u wara li saret elezzjoni każwali, kien elett Joseph Falzon. 

Fl-2008, fuq id-disa’ distrett, il-Malta Labour Party ħareġ tmien kandidati, filwaqt li l-Partit Nazzjonalista ħareġ ħmistax-il kandidat.  

2013: Il-PN jitlef ftit mill-appoġġ iżda xorta waħda jibqa’ b’saħħtu; L-elezzjonijiet każwali jiftħu l-bieb għal uċuh ġodda 

Il-Partit Nazzjonalista ġarrab telfa enormi fl-2013 u li tagħtu daqqa li għadu sal-lum il-ġurnata ma jistax jieħu ruħ warajha. Madanakollu, anke jekk tilef l-elezzjoni ġenerali b’distakk rekord, fid-disa’ distrett, minkejja li naqqas l-appoġġ, żamm distakk konsiderevoli favurih. 

Fil-fatt, il-Partit Nazzjonalista kien kiseb 53.95% tal-voti fid-disa’ distrett jew inkella 12,409 voti, filwaqt li l-Partit Laburista, issa b’mexxej u b’dehra ġdida, kiseb 42.84% tal-voti jew 9,854 vot. 

L-aktar kandidat li kiseb voti kien Simon Busuttil li kien għadu kemm ħalla l-Parlament Ewropew hekk kif ġie elett Viċi Kap tal-Partit Nazzjonalista ftit xhur biss qabel l-elezzjoni ġenerali.  

Din id-darba, ikkontesta Manuel Mallia li qabeż lil Leo Brincat u kien l-aktar kandidat Laburista li kiseb voti. Fil-fatt, huwa kien elett fl-20 għadd b’4,183 vot. 

Leo Brincat xorta waħda kien elett, iżda fis-27 għadd u għall-ewwel darba lanqas irnexxielu jaqbeż il-kwota ta’ 3,834 vot. Fil-fatt, huwa kien elett bi 3,324 vot. 

Eventwalment, fl-2016, Brincat irriżenja mill-Parlament hekk kif kien innominat għall-Qorti Ewropea tal-Awdituri. Eventwalment, wara li saret elezzjoni każwali, il-Partit Laburista rnexxielu jeleġġi wieħed mill-uċuh il-ġodda, jiġifieri lil Clifton Grima, illum Ministru għall-Edukazzjoni u l-Isports. 

Meta tqis li kien qed jikkompeti ma’ uċuh familjari, fosthom Leo Brincat, Michael Falzon u Manuel Mallia, Grima ma marx ħażin. Fl-ewwel għadd, kien diġà kiseb 1,464 vot. 

Lura għall-Partit Nazzjonalista. Din id-darba Dolores Cristina ma kinitx ikkontestat fuq dan id-distrett u marru tajjeb George Pullicino (dak iż-żmien Ministru għar-Riżorsi u l-Affarijiet Rurali) u Robert Arrigo, iżda mar minn taħt Francis Zammit Dimech li reġa’ ma ġiex elett minn dan id-distrett. 

George Pullicino, li fl-aħħar żewġ elezzjonijiet ma rnexxilux jitla’ minn dan id-distrett, kien l-aktar kandidat wara Simon Busuttil li ġab voti u eventwalment kien elett fl-20 għadd b’4,308 voti. 

Robert Arrigo, kien elett warajh, fit-22 għadd, b’4,182 vot. Fil-leġiżlatura li kienet għadha kemm intemmet, Arrigo kien Assistent Parlamentari għall-Ministru tal-Finanzi, l-Ekonomija u l-Investiment. 

Simon Busuttil u anke Robert Arrigo kienu ċedew is-siġġijiet tagħhom f’dan id-distrett, hekk kif kienu eletti minn distretti oħra. Fl-elezzjonijiet każwali li kienu saru, kienu eletti Marthese Portelli u Kristy Debono. 

Il-Partit Laburista kellu għaxar kandidati u l-Partit Nazzjonalista kellu tnax. 

2017: Il-PN jerġa’ jżid l-appoġġ; Id-Deputati jinbidlu... 

Fl-aħħar elezzjoni ġenerali, il-Partit Nazzjonalista kompla jnaqqas l-appoġġ tiegħu fuq bażi nazzjonali, iżda fuq id-disa’ distrett, għal darb’oħra, sab appoġġ qawwi u saħansitra reġa’ ssaħħaħ. 

Fl-2017, il-Partit Nazzjonalista kiseb 13,007 voti jew 56.27% tal-voti, filwaqt li l-Partit Laburista kiseb 9,712-il vot jew 42.01% tal-voti fid-disa’ distrett. 

Interessanti li l-elezzjoni ġenerali tal-2013, ħejjiet it-triq biex fl-2017, jiġu eletti kandidati ġodda u żgħar. 

Fil-fatt, Kristy Debono, li fl-2013 telgħet biss b’elezzjoni każwali biex tieħu s-siġġu ta’ Simon Busuttil, mhux talli kienet l-aktar kandidata li ġabet voti, talli qabżet il-kwota u ġiet eletta immedjatament fl-ewwel għadd. Debono kisbet xejn inqas minn 4,022 vot. 

Immedjatament warajha, kien elett Robert Arrigo b’4,001 vot fis-26 għadd u warajh kienet eletta Marthese Portelli, fid-29 għadd, b’4,937 vot. 

Min-naħa tal-Partit Laburista, din id-darba, Clifton Grima kien elett immedjatament mingħajr il-bżonn ta’ elezzjoni każwali u anke jekk il-voti kienu mifruxa ħafna, qabeż kandidati oħra Laburisti bħal Michael Falzon, Manuel Mallia u Edward Zammit Lewis, li kollha kemm huma kellhom rwol fil-kabinett bħala Ministri jew Segretarji Parlamentari. 

Grima kien elett fit-30 għadd bi 3,437 vot.  

Michael Falzon, minkejja li kien għadu kemm kien fiċ-ċentru ta’ dak li tlaqqam bħala l-iskandlu ta’ Gaffarena, ġie elett ukoll f’dan id-distrett, fit-30 għadd, bi 3,384 vot. 

Manuel Mallia, li fl-2014 kien intalab jirriżenja minn Ministru għall-Intern u s-Sigurtà Nazzjonali, wara l-famuża sparatura mix-xufier tiegħu, ġie elett biss f’elezzjoni każwali wara li ċeda s-siġġu tiegħu Michael Falzon. 

Intant, id-Deputat Nazzjonalista Marthese Portelli kienet irriżenjat mill-Parlament fl-2020 u minflokha kien elett Ivan Bartolo, li eventwalment kien ċeda s-siġġu tiegħu fl-istess sena biex minfloku seta jiġi co-opted Bernard Grech li kien għadu kemm ġie elett Kap tal-Partit Nazzjonalista. 

F’din l-elezzjoni, il-Partit Laburista kellu seba’ kandidati, filwaqt li l-Partit Nazzjonalista kellu rekord ta’ 20 kandidat.  

More in Politika