'Kelmitna taf tkun arma li tinfed ... Inqatlet tfajla u qed noqtlu omm!'

Jean claude Micallef, f'reazzjoni għal kummenti dwar il-qtil ta' Paulina Dembska, indirizzati lill-ġenituri tas-suspettat Abner Aquilina

Qalb ir-reazzjonijiet għal femiċidju li seħħ fit-tieni jum tas-sena 'l ġdida, hemm dik tal-Membru Parlamentari Jean Claude Micallef li insista li l-kliem li qiegħed jingħat dwar il-familja tal-allegat qattiel huma wisq kiefra. 

"Ħafna rrikorrew għal midja soċjali biex joqtlu liż-żagħżugħ li ġie akkużat bid-delitt. B'kull kelma mnissla, titli mgħajra u kundanni qatlu wkoll lill-ommu u l-familtu," qal Micallef.

Mingħajr ma jiġġustifika l-qtil "makkabru" tal-Pollakka Paulina Dembska, huwa stqarr li skont hu "l-biża u l-injoranza huma l-ikbar qattiela tar-raġuni, tal-empatija u tal-evoluzzjoni tal-bniedem."

Hawn hu kien qiegħed jirreferi għall-kummenti ta' mibgħeda li l-allegat qattiel Abner Aquilina qiegħed jirċievi u anke dawk indirizzati lejn il-familja taż-żagħżugħ.

Minkejja dan, Jean Claude Micallef qal ukoll li "dan id-delitt juri kemm għandna soċjetà mejta quddiem l-edukazzjoni sesswali, s-saħħa mentali u l-litteriżmu diġitali," dan minkejja li "imxejna lejn l-2022."

B'dan f'moħħna, Micallef jinsisti li l-kliem ta' mibgħeda speċjalment kontra l-ġenituri tal-ġuvnott "huma stalletti lejn mara oħra li ntortament ġiet imħaġġra mis-soċjetà tagħha stess fuq aġir ta' binha li ma taħti f'xejn għal kundizzjoni mentali u anqas għal azzjonijiet imwettqa."

Fl-aħħar tal-kumment tiegħu, li ġie miktub minnu fuq Facebook, huwa tenna li "kelmitna taf tkun arma li tinfed." 

L-ewwel femiċidju tas-sena

Paulina Dembska nqatlet fi Ġnien l-Indipendenza Tas-Sliema kmieni l-Ħadd, 2 ta’ Jannar. Il-katavru tagħha nstab eżatt viċin ix-xatt minn persuna li kienet għaddejja ftit qabel is-6:30am.

L-awtopsja fuq il-katavru ta’ Paulina Dembska turi li ġiet stuprata u fgata mill-qattiel tagħha.

Għaldaqstant is-suspettat ta’ qtil, Abner Aquilina, għadu ma ġiex akkużat hekk kif qed jinżamm taħt osservazzjoni għal valutazzjoni tas-saħħa mentali.

More in Politika