L-edukazzjoni qed tgħinna ngħixu aħjar? Qed tgħinna nibnu is-saħħa emozzjonali tagħna?

Kollox importanti fil-ħajja. Li tkun taf poeżija u l-grammatika, li tkun taf liema hija l-Kapitali ta' fejn jew kif titkellem b'lingwa barranija, kollha importanti. Iżda l-edukazzjoni qed tippreparana biżżejjed emozzjonalment? Il-Kummissarju dwar Vjolenza abbażi tal-Ġeneru u Vjolenza Domestika Audrey Friggieri tanalizza...

Min għallmek kif tagħraf u titratta mal-emozzjonijiet tiegħek, kif tinduna bihom meta jitfaċċaw u kif tagħmel sens minnhom? Spiss ir-risposta tkun:  “Ħadd!”  Kont int stess li  kkumbattejt triqtek minn ġol-kunflitti interni tiegħek, waħdek.  Skont numru dejjem jikber ta’ riċerkaturi, hemm bżonn li dawn l-affarijiet jiġu mgħallma fl-iskola, jemmnu li l-ħiliet emozzjonali għandhom ikollhom l-istess importanza fl-edukazzjoni tat-tfal daqs il-matematika, l-qari, l-istorja u x-xjenza. Dan mhux kunċett ġdid – filfatt kien mingħand il-filosfu grieg Aristotli (384–322 QK) li  aħna writna l-prinċipju  li  “jekk teduka l-moħħ mingħajr ma teduka wkoll il-qalb ma tkun qed teduka xejn”.  

Naħseb li naqblu lkoll li l-edukazzjoni hija importanti ħafna, anzi essenzjali. Filfatt, spiss nisimgħu li hija ċ-ċavetta għal ħajja iktar dinjituża, għal għixien iktar deċenti, sabiex  inkunu ħielsa u awtonomi.  Dan id-diskors spiss niltaqgħu miegħu fil-kuntest tal-ġlieda tad-drittijiet tan-nisa b’mod speċjali, fejn nisimgħu li  l-edukazzjoni tal-bniet isservi biex dawn jeħilsu mill-oppressjoni, f’pajjiżi fejn il-mara għadha mċaħħda minn ħafna drittijiet.  

Bilkemm ma saritx cliche’ din il-metafora taċ-ċavetta.  

Hija vera u mhix, fil-verità. Dan għaliex jiddependi mit-tip ta’ edukazzjoni li persuna tirċievi jew li għandha aċċess għaliha. Huwa fatt magħruf li mhux kull skola tgħallem l-istess affarijiet, jew toffri edukazzjoni emanċipatorja. Spiss huma proprju dawk il-korsijiet li m’għandhomx ‘valur ekonomiku’ li jkollhom il-potenzjal li jwasslu għall-ħsieb kritiku. Naturalment l-istudenti kollha jkunu jixtiequ jsibu xogħol għal qalbhom malli jispiċċaw l-iskola, iżda huwa perikoluż li niddisinnjaw kurrikulu li huwa bbażat biss fuq l-hekk imsejħa ‘bżonnijiet tas-suq’.  

Edukazzjoni iżjed wiesgħa tagħti l-opportunita’ lill-istudenti li jsiru awtonomi u li jemanċipaw lilhom infushom. L-edukazzjoni pubblika għandha tgħallem kif taħdem is-soċjeta’ in ġenerali, l-istrutturi tal-poter eżistenti fiha,  u l-metodi użati minn gruppi soċjali varji sabiex jaqbżu għall-interessi tagħhom.  Huwa proprju dan li jiddistingwi l-‘edukazzjoni’ mit-‘taħriġ’, fejn dan tal-aħħar  jiffoka esklussivament fuq it-tagħlim ta’ ħiliet li huma rilevanti għal xogħol partikulari biss.   

 L-istudenti ta’ kull eta’ jeħtiġilhom li jitgħallmu kif jirriflettu b’mod kritiku fuq l-ambjent soċjali tagħhom sabiex isiru ċittadini attivi u jikkontribwixxu f’soċjeta’ demokratika. Finalment, ħadd ma jista’ jikkontribwixxi għal bidla fis-soċjeta’ li jgħix fiha jekk ma jifhimx kif taħdem.  

Edukazzjoni li tagħti aktar importanza lis-saħħa emozzjonali 

Jiena nemmen li l-iskop ewlieni tal-edukazzjoni huwa li jagħmilna bnedmin aħjar, iktar kompluti.  Irrid infisser li l-edukazzjoni għandha tgħinna f’dawk l-aspetti fejn infallu fuq livell individwali, kif ukoll bħala poplu, fejn ikun jixirqilna nagħmlu u nkunu aħjar. Li ssir adult mingħajr ħiliet tekniċi jew professjonali tkun problema, kemm għall-persuna nnifisha, kif ukoll għas-soċjeta’, iżda hemm nuqqasijiet oħra daqstant problematiċi li nistgħu inkunu affettwati minnhom.  Wieħed mill-iktar importanti huwa dak tas-saħħa  emozzjonali, li  hemm bżonn ikun hemm iktar emfasi fuqu fis-sistema edukattiva, sabiex uliedna jkunu ippreparati aħjar għal uħud mill-iktar sfidi sinifikanti li niltaqgħu magħhom fil-ħajja tagħna. Dawn  jinkludu: Kif insiru nafu u napprezzaw lilna nfusna; Kif tmexxi u tikkura relazzjoni; Kif tagħraf x’għandhom ikunu l-prijoritajiet  tiegħek; Kif tiddiskuti b’mod rispettuż u intelliġenti; 

Kif tikkomunika b’mod ċar u effettiv; X’għandek tagħmel biex tikkontrolla l-istress żejjed f’ħajtek. 

Għalkemm kull min għandu l-edukazzjoni għal qalbu jifhem dan kollu, aktarx li ssib persuni li jaħdmu fl-edukazzjoni  llum – saħħansitra numru ta’ għalliema stess - li  jgħidulek li dan it-tip ta’ tagħlim mhux ta’ min jinħela fuqu, mhemmx postu fil-kurrikulu, jew  hemm prijoritajiet oħra li huma bil-wisq iktar vallapena.  

Persuni li huma emozzjonalment intelliġenti jmorru aħjar fl-iskola 

Għaliex huma tant importanti l-emozzjonijiet? Ir-riċerka turina li persuni li huma emozzjonalment intelliġenti jmorru aħjar fl-iskola, ikollhom relazzjonijiet iktar pożittivi, u jinvolvu ruħhom inqas f’affarijiet li ma jagħmlulhomx ġid.  Barra minn hekk, filwaqt li iktar xogħolijiet qed isiru iktar mekkanizzati, l-hekk imsejħa ħiliet ‘rotob’  — li jinkludu l-persistenza, l-immaniġjar tal-istress u l-komunikazzjoni — jagħmluha impossibbli għall-magni li jissostitwixxu lill-bnedmin.  

Uliedna spiss jiġu mgħallma li dak li jħossu aħjar jinjorawh (tatix każ, issa jgħaddilek) jew ma juruhx. Skont is-soċjologu Thomas Scheff, fis-soċjetajiet tal-Punent l-emozzjonijiet  huma aktarx assoċjati mal-fsied jew mad-distrazzjoni. Niġu mgħallma biex ninjorawhom l-emozzjonijiet tagħna,  minkejja li jistgħu jagħtuna informazzjoni prezzjuża dwar dak li jkun għaddej madwarna. Dan huwa perikoluż, jargumenta Scheff, bħal ma hija l-prassi li naħbu dak li nħossu. Huwa sab permezz tar-riċerka li meta l-irġiel - partikolarment - iħossu l-emozzjoni tal-mistħija, dawn jgħattuha jew jaħbuha wara r-rabja, imġieba aggressiva, u spiss wisq, wara l-vjolenza.  

L-isfidi elenkati iktar ‘l fuq kulħadd jiltaqa’ magħhom barra mill-iskejjel: jinsabu fuq websajts, f’kotba, f’films u kanzunetti b’xi mod jew ieħor – iżda rari jiġu preżentati lilna b’mod sistematiku. Tisma’ ħafna nies li jgħidulek:  ‘tispiċċa jkollok fuq il-ħamsin sakemm fl-aħħar forsi tiltaqa’ ma’ tagħrif li kellek bżonn tisma’ meta kont teenager,  u mhux issa,  wara li kellek taqla’ tant fuq wiċċek!’   Ħasra. Bnejna dinja intellettwali fejn istituzzjonijiet edukattivi rari jippermettulna nistaqsu, aħseb u ara jirrispondulna, l-iktar mistoqsijiet serji u profondi dwar in-natura tagħna. Dan jista’ jikkontribwixxi għaż-żieda fil-problemi ta’ saħħa mentali madwarna u fostna.    

Il-programm edukattiv 'Safe Dates' 

Huwa importanti ħafna li nkunu nafu x’jisimhom l-ibliet kapitali fl-Ewropa, il-grammatika tal-lingwa, jew il-ġometrija, iżda dawn mhux se jsaħħuna biex inkunu kapaċi nilqgħu l-isfidi varji tal-ħajja, jew jgħallmuna ngħixu l-ħajja bil-għaqal, b’inqas tbatija.   

Idealment, fi skola li tilqa’ fiha tfal minn kulturi differenti (li hi r-realta’ ta’ żminijietna), apparti s-suġġetti tradizzjonali,  titgħallem ukoll dwar l-isfidi kbar tal-ħajja – pereżempju kif tkun ħabib/a jew partner tajba/tajjeb, kif ma titlifx rasek, kif tibża’ għal saħħtek u għal dik ta’ ħaddieħor, u l-valur tal-ħin.   Dawn huma suġġetti li hemm bżonn nagħtuhom l-istess attenzjoni u importanza li qed nagħtu lill-marki tal-Matematika, tal-Malti u tal-Ingliż bħalissa. Fl-aħħar mill-aħħar il-ġid u l-livell ta’ kuntentizza u ta’ sodisfazzjon fis-soċjetà tagħna jiddependi minnhom,  iktar milli mis-suġġetti kollha li mingħalina huma ‘iċ-ċavetta’.    

Huwa ta’ sodisfazzjon kbir għall-Kummissjoni dwar Vjolenza abbażi tal-Ġeneru u Vjolenza Domestika, li ħadmet sabiex, flimkien ma’ professjonisti mill-Ministeru tal-Edukazzjoni, tintroduċi  programm edukattiv  fl-iskejjel tagħna – Safe Dates -  li se jżid iktar għarfien fost iż-żgħażagħ tagħna dwar kif ikunu relazzjonijiet sani  speċjalment waqt in-namur, dwar id-drittijiet tagħhom, u dwar x’għandhom jagħmlu f’każ ta’ imġieba abbużiva jew vjolenti. Dan il-programm se jindirizza mill-qrib l-emozzjonijiet,   sabiex inrawmu kultura fis-soċjeta’ tagħna li ma tittollerax u ma taċċetta qatt il-vjolenza abbażi tal-ġeneru u vjolenza domestika. Inħarsu ‘l quddiem għal iktar ħidma u riċerka sabiex jinxtered dejjem iktar  l-għarfien fis-soċjeta’  li jista’  jwassal għal bidla kulturali f’dan ir-rigward.   

Il-ġenituri jistgħu jibdew jinkoraġġixxu l-għarfien tal-emozzjonijiet f’uliedhom billi juru interess fil-ġurnata tagħhom,  jistaqsuhom dwar dak li ġara, u kif ħassewhom.  Importanti li nagħtu valur lill-emozzjonijiet negattivi ukoll, ikollna paċenzja waqt li uliedna jesprimuhom u nużaw l-esperjenzi tal-emozzjonijiet bħala opportunità biex inkunu iżjed viċin tagħhom u  noffrulhom sapport u għajnuna waqt li jkunu qed iħossu l-emozzjonijiet tagħhom.  

More in Politika