Proposta biex il-kwarantina tonqos għal 10 ijiem u sebgħa għal dawk li jiġu f'kuntatt ma' każ pożittiv

Il-Kamra tal-Kummerċ tfakkar li f'diversi pajjiżi l-kwarantina qed tonqos minħabba li nies li huma kompletament mlaqqmin huma sinjifikament inqas fir-riskju li jkunu morda serjament u allura inqas fiċ-ċans li jxerrdu l-virus...

Il-Kamra tal-Kummerċ, l-Intrapriża u Industrija esprimiet tħassib dwar il-kwarantina ta' 14-il jum u qed tisħaq illi dan huwa twil wisq u qed joħloq problemi għal ħafna postijiet tax-xogħol. Dan intqal hekk kif in-nies fi kwarantina qegħdin dejjem jiżdiedu, bin-numru ta' każi attivi bħalissa jkunu ta' 8,956 - wara ġurnata oħra illi matulha ġie rreġistrat rekord ta' każi ta' Covid-19, b'1,337. 

Il-Kamra tal-Kummerċ qalet illi l-kwarantina għandha tonqos għal 10 ijiem għal dawk pożittivi u għal sebat ijiem għal dawk li jiġu f'kuntatt u jkunu ħadu t-tilqim kollu. "Il-Kamra tal-Kummerċ temmen li dan se joħloq motivazzjoni biex aktar nies jieħdu l-booster u jinkoraġixxi wkoll aktar nies li jsegwu r-regoli marbutin mal-kwarantina." 

Fl-istqarrija l-Kamra tal-Kummerċ sostniet illi kif inhuma l-affarijiet hemm riskju li negozjil i jipprovdu servizzi essenzjali jesperjenzaw interruzzjonijiet fl-operat tagħhom. "Kumpaniji li ma jistgħux jagħmlu xogħol mid-dar se jkollhom jiffaċċjaw interuzzjonijiet serji li se jikkompromettu l-fornitura, xi ħaġa li tolqot ħażin ukoll lil supermarkets, ħwienet li jbigħu prodotti essenzjali u t-turiżmu." 

Il-Kamra tal-Kummerċ fakkret li ċentri Amerikani għall-prevenzjoni u l-kontroll tal-mard ħarġu stqarrija illi fiha qed jirrakkomandaw perjodu iqsar ta' kwarantina, minn 10 ijiem għal ħamest ijiem għal dawk li ma għandhom ebda sintomi. Tfakkar li pajjiżi oħrajn ukoll qed inaqqsu l-perjodu ta' kwarantina. 

"Speċifikament, nies li huma kompletament ivvaċċinti huma sinjifikament inqas fir-riskju li jkunu morda serjament u allura inqas fiċ-ċans li jxerrdu l-virus," temmet tgħid il-Kamra tal-Kummerċ. 

 

More in Politika