Black Friday: Negozju qawwi kkumparat mal-2020 imma xorta mhux fl-istess livelli tal-2019

'Jidher ċar li l-ekonomija ta’ Malta għadha qed tbati l-effetti tal-Covid u wkoll sfidi oħra flimkien ma’ dan' - Il-Kamra tal-SMEs

Wara l-perjodu diffiċli li għaddew minnu kawża tal-pandemija, in-negozji Maltin kienu qed iħarsu 'l quddiem għall-Black Friday ta' din is-sena b'ambizzjoni kbira. Intant fi stqarrija, il-Kamra tal-SMEs qalet li għalkemm in-negozju fil-ġurnata ta' Black Friday kien qawwi kkumparat mal-2020, xorta ma laħaqx il-livelli tal-2019.

 "Jidher ċar li l-ekonomija ta’ Malta għadha qed tbati l-effetti tal-Covid u wkoll sfidi oħra flimkien ma’ dan," żiedet tgħid.

L-iktar li marru tajjeb skont l-istess Kamra huma l-bejjiegħa tal-gadgets eletroniċi u t-tagħmir tad-dar. Kien innotat ukoll li dawn in-negozji bidlu l-istrateġija kummerċjali tagħhom hekk kif għamlu l-offerti tagħhom disponibbli fuq medda itwal ta’ żmien.

Oġġetti oħra kellhom bidu aktar bil-mod għall-Black Friday iżda bdew jitilgħu aktar tard wara nofsinhar. Filfatt il-Kamra tal-SMEs sostniet li hawnhekk il-livelli tal-bejgħ kienu xi mkien bejn il-livelli tal-2019 u l-2020.

Minkejja dan kollu, numru ta' sidien tan-negozji rrappurtaw li huma sodisfatti bi prestazzjoni tajba filwaqt li oħrajn stennew aħjar din is-sena kollha.

"Jidher ċar li n-negozji għandhom bżonn ċiklu ta’ bejgħ li jkun eqreb lejn in-normalità sabiex jagħmlu tajjeb għax-xhur iebsa li issa huma warajna," qalet il-Kamra tal-SMEs.

Irridu nżommu f'moħħna li l-isfidi li n-negozji kellhom jegħlbu din is-sena ma kinux żgħar. L-impatt tat-tbaħħir internazzjonali ma għamilhiex faċli għan-negozji biex ikunu maħżuna fil-livelli ideali, dan ovvjament apparti l-ispiża mġarrba. Ħafna negozji qed isofru wkoll dewmien serju meta jimportaw mir-Renju Unit minħabba l-Brexit u jirrappurtaw li jaħdmu madwar l-arloġġ biex jitneħħew l-istokks fil-ħin għall-Black Friday.

Marbuta ma’ dan, il-maltemp qawwi tal-Ħamis ma għamlitx possibbli l-istokkjar mill-ġdid tal-aħħar minuta għall-Black Friday u, ovvjament, il-Ħamis fih innifsu kien jum importanti tax-xiri lejlet il-Black Friday li mmaterjalizza biss parzjalment grazzi għall-faċilitajiet online.

More in Politika