Favuri mal-gwardjani u l-priġunieri biex Dalli jidher sabiħ wara l-istejjer tal-gazzetta ILLUM

Aktar gwardjani tal-ħabs jersqu lejn il-gazzetta ILLUM biex jirrakkontaw dak li għaddejjin minnu u dak li raw iseħħ quddiem għajnejhom

Aktar gwardjani li għadhom sal-lum jaħdmu l-ħabs ressqu ‘l quddiem biex jitkellmu mal-ILLUM wara li għal dawn l-aħħar ġimgħat, il-gazzetta rrapportat dwar dak li qed jiġri wara l-bibien magħluqa tal-Faċilità Korrettiva ta’ Kordin.

Dawn il-gwardjani u anke sorsi oħra qalu mal-gazzetta ILLUM li bħalissa għaddejin diversi “manuvri” fil-ħabs biex id-Direttur Alex Dalli u anke dawk ta’ madwaru jidhru sbieħ kemm ma’ gwardjani u anke ma’ priġunieri.

Dan fid-dawl tal-fatt li Alex Dalli fetaħ libell lil din il-gazzetta u anke lill-eks gwardjan tal-ħabs Emmanuel Cassar li tkellem magħha u anke wara li bħal-lum ġimgħa, l-ILLUM irrapportat kif il-Pulizija qed tinvestiga l-akkużi ta' Cassar, jiġifieri li Dalli, allegatament, ġieli uża l-arma tan-nar li jżomm fuqu biex jhedded priġunieri.

Fil-fatt, skont sorsi li tkellmu mal-gazzetta ILLUM, il-Pulizija, inkluż il-Kummissarju Angelo Gafà, sejħu għal xi persuni biex ikellmuhom.

Is-sorsi li tkellmu mal-ILLUM qalu li Dalli qed jipprova jidher sabiħ ma’ gwardjani u anke ma’ priġunieri billi jagħtihom “iċ-ċejċa.” Fi kliemhom, dawn “il-manuvri” bdew fl-aħħar ġimgħat iżda saru aktar evidenti fl-aħħar jiem. Insistew li t-tir huwa wieħed, jiġifieri biex dawn jaqbżu għalih f’każ li jkun hemm bżonn.

Semmew minn promozzjonijiet għall-gwardjani sa visti żejda u xogħlijiet għall-priġunieri biex fl-aħħar tax-xahar jingħataw ftit aktar flus mis-soltu.

“Hu makkak. Jaf minn fejn għadu jgħaddi. Mhuwiex injorant,” qalilna wieħed mill-gwardjani li tkellem mal-gazzetta ILLUM.

“Għajjejt u ddejjaqt! Allaħares ma tkunx ftit b’saħħtek”

Intant, gwardjani komplew jaqsmu magħna dak li raw u dak li qed jgħaddu minnu, sempliċiment għax (dejjem fi kliemhom) mhumiex tal-istess “klikka” ta’ Alex Dalli u t-tmexxija tiegħu.

Gwardjan partikolari, li talab li jiltaqa’ mal-ILLUM din il-ġimgħa, ukoll spiċċa jaħdem f’diviżjoni ‘l barra mill-Faċilità Korrettiva ta’ Kordin. Fi kliemu, tawh dan it-transfer wara ħafna bsaten fir-roti u biex ma jkunx jaf x’inhu għaddej fil-ħabs.

Fi kliemu, anke meta kien stazzjonat f’Kordin ma kienx jitħalla jidħol f’ċertu diviżjonijiet u mhux l-ewwel darba lanqas li tqabbad jagħmel xogħol li mhuwiex tiegħu, bħal jaħsel it-toilets tal-priġunieri.

“Għajjejt! Iddejjaqt! Ikissrek! Allaħares ma tkunx ftit b’saħħtek għax tiġġennen,” qalilna waqt li rrakkontalna dak kollu li għadda minnu. Dawn id-dettalji, l-ILLUM qed tħallihom barra biex ma tikxifx l-identità tas-sors.

Iżda l-ILLUM tistaqsi lil dan il-gwardjan u anke gwardjani oħra li lmentaw dwar is-sitwazzjoni tagħhom, għaliex ma jitilqux dan ix-xogħol u jsibu xi ħaġa oħra.

“Jiena għomri u żmieni naħdem il-ħabs. X’nagħmel? Nitlef dawn is-snin kollha servizz?,” staqsiena.

‘Kulħadd semgħu jgħid li se jagħmel suwiċidju’

L-istess gwardjan insista li għal min mhuwiex tal-qalba, kemm jekk gwardjani u anke jekk priġunieri, il-ħajja tagħhom f’Kordin hija “infern.”

Irrakkontalna kif wieħed mill-priġunieri li għamel suwiċidju fl-aħħar xhur, mar fuqu stess jgħidlu li ma jiflaħx aktar.

“Jiena ma stajt nagħmel xejn. Smajtu jgħajjat: ‘se tisimgħu bija,’ jiġifieri ‘se nagħmel suwiċidju.’ Smajtu jien, semgħuh priġunieri u semgħuh gwardjani oħra,” qalilna.

‘Kiesaħ kemm hu kiesaħ priġunier, ħadd ma ħaqqu jkun itrattat ta’ żibel’

Fi kliemu, għamel x’għamel priġunier u kiesaħ kemm hu kiesaħ, ħadd ma ħaqqu dak it-trattament. 

“Ħadd ma ħaqqu jkun trattat ta’ żibel. Dawn in-nies għajnuna għandhom bżonn,” insista.

‘Dalli għamel tajjeb imma l-estrem ħażin’

Iżda mhux kollox ħażin. L-istess gwardjani qalu li Alex Dalli għamel affarijiet tajbin u saħħaħ ukoll is-sigurtà fil-ħabs u huwa minnu li qata’ d-droga.

“Kien hemm żmien fejn biex inkellmu d-direttur, anke aħna l-gwardjani, kien ikollna mmorru ngħidu wieħed mill-priġunieri. Dan kollu spiċċa iżda Dalli mar l-estrem l-ieħor. L-estrem dejjem ħażin,” insista. “Jikkmanda lil kulħadd. Lanqas mit-tobba jew mill-psikjatri tal-ħabs ma jisma’. Minn ħadd.”

Dalli u l-Ministeru jibqgħu ma jweġbux lill-ILLUM

Intant, għall-ħames darba, il-gazzetta ILLUM bagħtet sett ta’ mistoqsijiet kemm lid-Direttur tal-Ħabs Alex Dalli u anke lill-Ministeru għall-Intern. Il-gazzetta ġeddet ukoll l-istedina tagħha għal intervista ma’ Dalli biex jingħata ċ-ċans u l-ispazju jwieġeb għall-allegazzjonijiet li saru u li qed isiru fil-konfront tiegħu.

Sal-ħin li morna għall-pubblikazzjoni, għal darb’oħra, bqajna mingħajr tweġiba.

Inwaqqfu l-Ħniżrijiet f'Kordin 

Il-Gazzetta ILLUM għaddejja b’kampanja illi permezz tagħha qed titlob lin-nies; lil dawk li kienu l-ħabs, lil dawk li għandhom xi ħadd jiġi minnhom li jinsab jew li jaħdem fil-Ħabs jew inkella lil dawk li jaħdmu mal-priġunieri jew inkella l-priġunieri infushom, biex jitkellmu dwar esperjenzi li għaddew minnhom jew li raw fil-Faċilità Korrettiva ta' Kordin. 

Il-vuċi tagħkom magħna tista' tbiddel l-affarijiet, fejn dawn mhux qed isiru sew! Għalhekk nistednukhom biex tibgħatu email fuq [email protected] jew [email protected] jew inkella iċċemplu fuq in-numru 21 382 741 - 3 jew 21 382745 - 6. 

L-identità tagħkom tibqa' waħda kunfidenzjali jekk intom titolbu għal dan.

More in Politika