Il-banek 'ma staqsewx' dwar pagamenti li kienu deħlin f'kumpanija ta' Darren Debono

Kompla l-każ ta’ ħasil ta’ flus kontra Pier-Paul Debono, eks Direttur tal-kumpanija World Water Fisheries u ħu l-eks futboler internazzjonali Darren Debono

 

Pagamenti minn barra minn Malta, mibgħuta minn kumpaniji Maltin kienu qed jidħlu fil-kumpanija World Water Fisheries Ltd ta’ Darren Debono mingħajr mistoqsijiet ta’ xejn min-naħa tal-banek.

Qal dan l-Ispettur James Turner hekk kif illum kompla l-każ ta’ ħasil ta’ flus kontra Pier-Paul Debono, eks Direttur tal-kumpanija World Water Fisheries u ħu l-eks futboler internazzjonali Darren Debono.

Huwa qed ikun akkużat ukoll b’awditjar falz u anke b’reġistrazzjoni falza ta’ dokumenti, tbagħbis ta’ dokumenti u dikjarazzjoni falza lill-Pulizija.

L-Ispettur Terner qal li hu kien qed jinvestiga lil Darren Debono u lil dawk sħab miegħu fin-negozju minħabba l-każ ta’ traffikar illegali tal-fjuwil. Spjega kif irċevuti għal fjuwil, maħruġa mill-kumpanija Timodia, kixfu kif din mhux vera kienet qed titħallas għall-fjuwil, għall-kuntrarju ta’ kumpanija oħra ta’ Debono.

Spjega lill-Qorti kif hu ra evidenza ta’ pagamenti bejn World Water Fisheries u kumpaniji oħra: ADJ Trading Ltd, Andrea Martina u Oceano Blu, fost oħrajn.

Il-kumpaniji bbażati f’Malta ADJ Trading Ltd u Oceano Blu, flimkien mal-kumpaniji Libjana Tiuboda Oil u Gas Services LLC qed ikunu implikati fi traffikar illegali taż-żejt mil-Libja, fost oħrajn.

ADJ Trading Limited hija wkoll u kkontrollata miinn Darren Debono, Fahmi Ben Khalifa u Ahmed Ibrahim Hassan Arafa.

Kien hawn li l-ispettur qal li pagamenti kienu qed jidħlu fil-kumpanija World Water Fisheries, mingħand dawn il-kumpaniji mingħajr ma kienet qed tintalab l-ebda spjegazzjoni mill-banek lokali.

L-Ispettur saħaq ukoll kif kontinwament, dawn il-kumpaniji lokali kienu qed jgħaddu minn bidliet fit-tmexxija bil-għan li jevitaw is-sanzjonijiet imposti fuqhom minn awtoritajiet u aġenziji barranin.

Spjega kif Oceano Blu trasferixxiet madwar €5 miljun lil World Water Fisheries, għal konsultazzjonijiet u raġuni oħra li, skont l-Ispettur, intużaw biex jgħattu l-vera sors tal-flus. Qal li dan ifisser li kien hemm taħlita bejn flus li kienu ġejjin miż-żejt u oħrajn mis-suq tal-ħut. 

Qal li l-istabbiliment li jintuża mir-ristorant Al Mare, li mbagħad sar jismu Scoglietti u issa Porticello kien mixtri minn dawn il-flus. 

Intant, tneħħiet l-ordni ta’ ffriżar fuq l-assi ta’ Debono, bid-Difiża tilqa’ din l-aħbar waqt li saħqet li meta jkunu ffriżati l-assi, il-ħajja tal-akkużati tieqaf. 

More in Politika