'Il-bomba splodiet' - Graffitti dwar bdiewa li qed jitkeċċew mill-art li qed jaħdmu

Moviment Graffitti jfakkar li la Gvern tal-PN u lanqas Gvern tal-PL ma biddlu l-Liġijiet tal-kera tal-art agrikola bil-konsegwenza li bdiewa qed jitkeċċew mill-artijiet li jaħdmu

Il-Moviment Graffitti talab lill-Ministru għall-Agrikoltura u lill-Kabinett sabiex jintervjeni u jwaqqaf it-tkeċċija tal-bdiewa minn art agrikola mikrija li ilhom jaħdmu għal snin twal.

Fi stqarrija, l-Moviment Graffitti ġibed l-attenzjoni dwar kif diversi bdiewa qed jiġu mkeċċija minn artijiet li jaħdmu wara li deċiżjoni tal-Qorti Kostituzzjonali sabet ksur tad-drittijiet ta’ sidien l-art.

L-għaqda tfakkar li l-liġijiet dwar il-kirjiet tal-art agrikola qatt ma nbidlu minn amministrazzjoni suċċessivi, minkejja l-appelli ta’ diversi entitajiet involuti fis-settur, "u minħabba f’hekk is-sitwazzjoni waslet fil-punt fejn il-bdiewa qed jitkeċċew kull ġimgħa."

“Il-bomba fl-aħħar splodiet,” qal il-Moviment Graffitti, u fakkar li sa issa ma kien hemm l-ebda tentattiv sabiex titranġa sitwazzjoni li se tirriżulta fil-qerda tas-settur agrikolu.

“Il-bdiewa diġà jiffaċċjaw bosta theddidiet għall-għixien tagħhom minħabba l-ispekulazzjoni u l-bini tat-toroq. Issa t-tkeċċijiet bdew jiżdiedu, u qiegħdin nirċievu rapporti li xi sidien tal-art u spekulaturi qed jabbużaw mill-fatt li ħafna bdiewa mhumiex infurmati fuq id-drittijiet legali tagħhom," saħqet l-għaqda fl-istqarrija. 

Graffitti wissiet li jekk jerġa jkollna kriżi bħal dik tal-Covid-19 u l-portijiet ikollhom jgħalqu l-provvista tal-prodotti agrikoli tkun affetwata serjament. "Il-liġijiet għandhom jinbidlu biex jipproteġu l-aċċess tal-bdiewa għall-art, filwaqt li jirrispettaw is-sentenza tal-Qorti Kostituzzjonali," temm jgħid il-Movimnt Graffitti.

More in Politika