Il-Lista ta' stennija quddiem il-Housing mistennija tinżel għal 800 sal-aħħar tal-2022

F’dawn il-jiem beda l-proċess ta’ allokazzjonijiet tas-siti l-ġodda tal-akkomodazzjoni soċjali mill-Awtorità tad-Djar. L-applikanti se jkunu avżati minn kmieni meta u fejn se jkunu ħa jidħlu fid-dar il-ġdida tagħhom

Il-Ministru Roderick Galdes
Il-Ministru Roderick Galdes

Il-Ministru għall-Akkomodazzjoni Soċjali Roderick Galdes ippreżenta l-istrateġija għall-allokazzjoni tal-akkomodazzjoni soċjali.

F’konferenza, kif fil-fatt kien diġà żvela mal-gazzetta ILLUM ta' nhar il-Ħadd li għadda, ħabbar li fl-aħħar ġranet l-Awtorità tad-Djar bdiet proċess ta’ allokazzjoni ta’ djar fis-siti l-ġodda tal-akkomodazzjoni soċjali, parti mill-akbar proġett ta’ bini ta’ akkomodazzjoni soċjali fl-aħħar 40 sena. “Fil-housing m’aħniex nagħtu ċavetta għal dar ġdida imma ċavetta għal ħajja ġdida u aktar b’saħħitha”, sostna l-Ministru Galdes filwaqt li ppreżenta programm sħiħ ta’ allokazzjonijiet li għandhom jieħdu sal-2023.

Mal-ILLUM Galdes kien qal illi sal-aħħar ta' din is-sena se jkunu tqassmu xejn inqas minn 300 appartament ta' housing soċjali, minn proġett li qed ikopri 22 sit u 1,700 post tal-housing - aktar milll-1,400 applikazzjoni li qed tistenna quddiem l-Awtorità tad-Djar bħalissa.

“Kien hemm bżonn metodu ta’ politika mibnija fuq l-imħabba lejn in-nies u lejn min jeħtieġ l-aktar”, qal il-Ministru Galdes. Qal ukoll li kien hemm bżonn li jissaħħaħ l-istokk b’sistema u bi pjan integrat u ħolistiku li jaħseb fil-bżonnijiet speċifiċi. Din kienet l-innovazzjoni li saret minn stil ta’ management by crisis fl-akkomodazzjoni soċjali, b’soluzzjonijiet ġeneriċi, għal management by design li jindirizza l-għerq tal-isfidi soċjali”, qal il-Ministru Galdes.

Il-programm tal-allokazzjoni fid-dettall:

F’dawn il-jiem beda l-proċess ta’ allokazzjonijiet tas-siti l-ġodda tal-akkomodazzjoni soċjali mill-Awtorità tad-Djar. L-applikanti se jkunu avżati minn kmieni meta u fejn se jkunu ħa jidħlu fid-dar il-ġdida tagħhom.

Il-Ministru ħabbar li mill-ogħla punt tagħha fl-2017 ta’ 3,288, il-waiting list se tonqos b'60% sal-aħħar ta’ din is-sena  (2021) għal 1,321. 279 familja ħa jidħlu fid-dar ġdida tagħhom kmieni s-sena dieħla (2022) fis-siti l-ġodda f’Birkirkara, Ħ’Attard, Ħaż-Żebbuġ, is-Siġġiewi, fiż-Żurrieq, Ħal Kirkop u fil-Qrendi. Flimkien ma’ dawn ħa jkun hemm ukoll 100 allokazzjoni mill-iskema ta’ kiri mingħand sidien privati.

Sal-aħħar tas-sena 2022 il-lista ta’ stennija għandha tkun inqas minn 800 persuna.

Dawn l-allokazzjonijiet qed isiru skont il-politika ta’ allokazzjoni li tħabbret mill-Ministeru għall-Akkomodazzjoni Soċjali u l-Awtorità tad-Djar lura f’Awwissu li għadda – politika li se tassigura li l-istat jgħin lil min jeħtieġ bl-akbar għajnuna possibbli sakemm jeħtieġ.

“Kif il-housing soċjali tas-snin 70 u 80 kien l-istaffa li fuqha telgħet il-ġenerazzjoni li bniet Malta ta’ llum, dan il-housing soċjali se jkun l-istaffa li fuqu tikber il-ġenerazzjoni Maltija li jmiss”, qal il-Ministru Roderick Galdes.

Huwa sostna li l-isfida li kien fdat biha fl-2017 f’dan is-settur kienet iebsa, imma flimkien mal-Awtorità tad-Djar ġiet imwieġba għaliha bix-xogħol u bl-impenn soċjali. “Nemmen li hekk għandu jitmexxa l-qasam soċjali, bit-trasparenza u bl-aktar mod sensittiv għall-bżonnijiet li jeżistu madwarna”, temm jgħid il-Ministru Galdes.

'Għaddejna lill-applikanti minn għarbiel dejjaq mhux ħażin' - Leonid Mc Kay

Preżenti għall-attività kien hemm ukoll Leonid McKay, il-Kap Eżekuttiv tal-Awtorità tad-Djar li stqarr li l-awtorità “ġriet wara kull ċavetta”. Hu kompla jgħid li b’hekk biss setgħet tibda tiġi indirizzata l-waiting list ta’ dawk li qed jistennew akkomodazzjoni alternattiva. B’sodisfazzjon qal li grazzi għall-inizjattivi differenti stajna nnaqqsu n-numru ta’ dawk li qed iħabbtu l-bieb tal-Awtorità tad-Djar sew aktar minn nofs ta’ dak li

McKay enfasizza l-proċess amministrattiv tal-allokazzjonijiet. “Għaddejna lill-applikanti minn għarbiel amministrattiv dejjaq mhux ħażin sabiex jiġi assigurat li min qed jiġi allokat unit ġdid ikun verament fil-bżonn”, huwa stqarr.

Leonid McKay għalaq billi ta rendikont tal-politika ġdida ta’ allokazzjoni fejn enfasizza li minn Jannar li ġej kull kuntratt ġdid ser jibqa’ kuntratt ta’ kera u ma jinbigħx. Hu żied ukoll li lanqas mhu ħa jibqgħu jingħataw postijiet b’kirja daqs li kieku hemm xi ċens perpetwu.

Dawn huma l-figuri li juru l-ammont ta’ familji u l-akkomodazzjoni għal wara t-tmiem tal-2021:

Sena

Familji

Akkomodazzjoni

Nofs l-2022

330

-170 dar fis-siti l-ġodda (primarjament l-Imsida u
  Bormla)

-Djar mikrija mingħand sidien privati

Tmiem l-2022

315

-Djar ġodda tal-akkomodazzjoni soċjali f’siti differenti

-Djar mingħand sidien privati

2023

 

-Siti ġodda tal-akkomodazzjoni soċjali

-Siti ffinanzjati mill-NDSF

More in Politika