Konrad Mizzi jirrifjuta li jixhed quddiem il-Kumitat Parlamenti fuq il-kuntratt tal-Electrogas

Konrad Mizzi insista li l-proġett tal-Electrogas diġà ġie skrutinizzat mill-Uffiċċju tal-Awditur Ġenerali li “xejjen għal kollox l-allegazzjonijiet tal-Oppożizzjoni"

L-eks Ministru Konrad Mizzi qal li mhux se jkun qed jidher quddiem il-Kumitat Permanenti dwar il-Kontijiet Pubbliċi, liema kumitat illum kellu jkompli jiddiskuti l-proġett kontroverjali tal-Electrogas.

Konrad Mizzi ħabbar dan fuq Facebook fejn spjega għaliex iddeċieda li ma jipparteċipax f’din il-laqgħa quddiem il-Kumitat li huwa mmexxi mill-Oppożizzjoni.

Fi kliemu, dan “l-eżerċizzju mhu xejn ħlief attakk partiġġjan fuq il-proġett għal qalba mill-enerġija ibbażata fuq il-Heave Fuel Oil għal enerġija ibbażata fuq gass u sorsi rinovabbli.”

Insista li dan il-proġett ġab tant benefiċċji lill-poplu Malti u Għawdxi u anke lill-ekonomija.

Saħaq li bis-saħħa ta’ dan il-proġett, Malta għandha fost l-orħos prezzijiet tal-elettriku fl-Ewropa, inqas emmissjonijiet u oħrajn.

Fakkar li fi żmien meta hu kien Ministru, salva wkoll lill-Enemalta.

“Huwa ċar li l-aġenda politika tal-PN kienet mill-bidu nett kontra l-qalba għal-użu tal-gass naturali għall-ġenerazzjoni tal-elettriku f’pajjiżna,” insista Mizzi.

Fakkar ukoll li dan il-proġett, fil-qalba ta’ diversi kontroverji, diġà ġie skrutinizzat mill-Uffiċċju tal-Awditur Ġenerali, li “xejjen għal kollox l-allegazzjonijiet tal-Oppożizzjoni.”

“Huwa għalhekk li jien inqis is-sejħa tal-Kumitat Parlamentari dwar il-Kontijiet Pubbliċi bħala eżerċizzju politiku partiġġan imbuttat mill-Partit Nazzjonalista,” temmet tgħid l-istqarrija.

Konrad Mizzi, implikat fil-Panama Papers kien tkeċċa mill-Partit Laburista fl-2020 wara li kien ġie żvelat l-iskandlu tal-windfarm tal-Montenegro u r-rabta bejn l-investiment tal-Enemalta u l-kumpanija 17 Black ta' Yorgen Fenech.

Ta' min ifakkar ukoll li l-kumpanija ta' Mizzi fil-Panama kienet deskritta bħala 'target client' tal-kumpanija ta' Yorgen Fenech 17 Black, li fiha daħlu eluf ta' ewro, fosthom mill-aġent lokali tat-tanker tal-gass, li huwa parti essenzjali mill-powerstation tal-Electogas.

Yorgen Fenech illum huwa akkużat bil-qtil ta' Daphne Caruana Galizia u b'akkużi oħra fosthom ta' ħasil ta' flus.

More in Politika