Adrian Hillman u Keith Schembri għaddew eluf ta' ewro lill-kumpanija ta' Josette Vella Schembri

Il-Prosekuzzjoni tisħaq li l-kumpanija ta' mart l-eks Chief of Staff kienet parti minn skema kumplessa li kienet użata biex ikunu trasferiti eluf ta’ ewro bejn entitajiet differenti

Il-kumpanija 3City Design Limited, kumpanija tal-mara tal-eks Chief of Staff, Keith Schembri, rat eluf ta’ ewro trasferiti għandha mingħand Adrian Hillman, Allied Newspapers u Schembri nnifsu.

Dan ħareġ fil-Qorti dalgħodu hekk kif kompliet il-kumpilazzjoni tal-evidenza kontra Josette Vella Schembri, akkużata b’ħasil ta’ flus.

L-Ispettur Leanne Bonello qalet li l-kumpanija ta’ Schembri kienet tagħmel parti minn skema kumplessa li kienet użata biex ikunu trasferiti eluf ta’ ewro bejn entitajiet differenti.

Spjegat ukoll li l-kumpanija 3City Design twaqqfet fl-2008, jiġifieri fl-istess sena li fiha sar l-ewwel ftehim bejn Kasco u l-Allied Newspapers għax-xiri ta’ apparat tal-istampar.

Bonello qalet li l-eks Direttur Maniġerjali tal-Allied Newspapers, Adrian Hillan trasferixxa madwar €14,000 għal għand 3City Design.

Vella Schembri kienet qalet lill-Pulizija li hi kienet offriet servizzi ta’ “interior design” għad-dar ta’ Hillman. Minkejja dan, Vella Schembri ma pprovdiet l-ebda dokumentazzjoni biex turi dan. 

Apparti minn hekk, żewġha Keith Schembri trasferixxa €57,784.16 fi tliet tranżazzjonijiet. Anke hawn l-ebda dokumentazzjoni ma kienet ippreżentata.

Eventwalment, Robert Zammit u Malcom Scerri, sħab Keith Schembri fin-negozju, irċevew eluf mingħand il-kumpanija 3City Design.

Scerri kien jirċievi pagament kull xahar li kollha kemm huma f’salt jammontaw għal €44,289.75. Skont Vella Schembri, dawn kienu jkopru xogħol li Scerri għamel għall-kumpanija iżda anke din id-darba ma pprovdiet l-ebda dokumentazzjoni biex turi dan. 

Somom sostanzjali ta’ flus daħlu f’din il-kumpanija mingħand Allied Newspapers. 

More in Politika