‘Ma tistax tqum filgħodu u tipproponi li sal-2030 jidħlu fil-Belt karozzi elettriċi biss ... għandhom jiddeċiedu r-residenti’

Is-Sindku tal-Belt Valletta Alfred Zammit jirreaġixxi għall-proposta ta’ Jason Micallef u l-VCA biex sal-2030, fil-Belt Valletta jidħlu biss karozzi li jaħdmu bl-elettriku, inkluż dawk tar-residenti

“Ma tistax tqum filgħodu u tiddeċiedi li sal-2030 għandhom jidħlu fil-Belt karozzi li jaħdmu bl-elettriku biss. L-ewwel għandek tikkonsulta mar-residenti u għalhekk mal-Kunsill Lokali.” Hekk saħaq is-Sindku tal-Belt Valletta, Alfred Zammit, b’reazzjoni għall-proposti li Jason Micallef f’isem l-Aġenzija Kulturali għall-Belt Valletta, ippreżenta lill-Gvern.

L-Aġenzija Kulturali għall-Belt Valletta (VCA) ppreżentat “il-viżjoni tagħha” lill-Gvern bil-għan li l-Kapitali Valletta tkun l-ewwel belt ħadra fl-Ewropa. Il-viżjoni tilħaq il-qofol tagħha fl-2030, bi proposta biex il-vetturi kollha li jidħlu fil-Belt Valletta, inkluż dawk tar-residenti, ikunu kollha kemm huma jaħdmu bl-elettriku.

L-ILLUM staqsiet lis-Sindku Belti jekk jaqbilx mal-proposta dwar il-karozzi elettriċi, b’Zammit jisħaq li fil-prinċipju, il-proposta hija tajba mhux għall-Belt Valletta biss imma għall-pajjiż kollu kemm hu.

Madanakollu saħaq li “ma tistax tqum filgħodu u taqbad u tipproponi,” waqt li insista li xi ħaġa hekk għandha l-ewwel tkun diskussa mar-residenti.

“Jekk din il-proposta tasal biex tiġi implimentata, id-data għandha tkun diskussa u deċiża mir-residenti u minn ħadd iżjed,” insista Zammit. Saħaq li kieku din il-proposta kellha tintlaqa’ għandu jingħata biżżejjed ċans biex jinħarġu l-iskemi biex residenti li jkunu se jbiddlu l-vettura, jinvestu mill-ewwel f’waħda elettrika.

Fi kliemu hemm ħafna mistoqsijiet oħra li jridu jiġu mwieġba, fosthom x’se jagħmlu dawk il-familji li għandhom aktar minn karozza waħda. “X’se jagħmel dak iż-żagħżugħ ta’ 18-il sena li għadu kemm issallab biex xtara karozza? Se jbiddilha tmien snin oħra meta jkun għadu kemm qata’ l-loan?”, kompla jistaqsi Zammit.

Kien hawn li saħaq li r-residenti “faqgħuh” bit-telefonati, b’mod partikolari dawk li għadhom kemm xtraw karozza. Fakkar li din hija biss proposta u ma hemm l-ebda deċiżjoni dwarha.

U min ma jaffordjax jixtri karozza elettrika?

Kompla jfakkar ukoll li hemm persuni li karozza elettrika ma jaffordjawhiex għax tiswa ħafna aktar minn karozza li taħdem bil-fjuwil. Fil-fatt, ftit tal-ġimgħat ilu, il-gazzetta ILLUM kienet tkellmet ma’ importaturi tal-karozzi li kkonfermaw kemm ikollhom klijenti li jaqtgħu qalbhom meta jaraw il-prezz.

Wieħed minnhom kien spjega li karozza elettrika second hand li jkollha madwar 20 elf kilometru tkun tiswa madwar €13,000 u dan meta waħda li taħdem bil-fjuwil tkun xi €7,000. Qal ukoll li l-irħas karozza elettrika li hawn bħalissa tibda minn €30,000. Fil-fatt, ta’ min isemmi li l-Aġenzija Kultura għall-Belt Valletta qed tipproponi li għar-residenti, il-Gvern jgħin b’sussidju. 

Is-Sindku staqsa wkoll jekk fil-Belt hemmx u tistax issir biżżejjed infrastruttura għal dawn il-karozzi, bħaċ-charging points.

‘Proposti għandhom ikunu bbażati fuq l-istudji u l-fatti’

Apparti minn hekk, Zammit insista li deċiżjonijiet bħal dawn għandhom ikunu bbażati fuq l-istudji. Fil-fatt saħaq li l-Kunsill Lokali qed jaħdem biex is-sena d-dieħla, mal-Università ta’ Malta, isir studju dettaljat dwar il-kwalità tal-arja f’diversi bnadi fil-Belt Valletta.

“Id-deċiżjonijiet għandna nibbażawhom fuq l-istudji u fuq il-fatti,” kompla jisħaq.

Irrefera wkoll għall-istatistika u insista li qabel il-Belt, il-karozzi elettriċi għandhom jiżdiedu fuq bażi nazzjonali.

Fil-fatt, sondaġġ tal-NSO kien wera kif il-vetturi elettriċi jew hybrid, jammontaw għal 1.5% biss tal-vetturi li hawn f’Malta. Dan ifisser li f’Malta hawn 6,017-il vettura li jaħdmu bl-elettriku jew li huma hybrid. Vetturi elettriċi jammontaw għal 1,293. 

‘Il-Kunsill ilu li xammar il-kmiem...’

Madanakollu, mistoqsi jekk jaħsibx li hija xi ħaġa pożittiva li jinħarġu proposti biex jonqos it-tniġġis fil-kapitali, is-Sindku wieġeb fil-pożittiv u saħaq li tant u hekk li l-Kunsill diġà xammar il-kmiem u ilu jaħdem dwar dan. 

Fakkar kif waħda mill-akbar sfidi fil-Belt Valletta hija n-nuqqas ta’ parkeġġ li jwassal biex diversi sewwieqa jispiċċaw iduru u jgħaqdu fit-toroq.

“Installajna l-parking sensors għall-parkeġġ ta’ ħdejn Hastings. Ma hemmx għaliex toqgħod iddur għax tkun taf jekk hemmx spazju,” kompla jisħaq. “Qed naħdmu fuq miżuri oħra biex inżidu l-parkeġġ.”

Saħaq ukoll li l-Kunsill ħadem biex inaqqas it-traffiku fil-Belt Valletta u biex dan joħroġ malajr kemm jista’ jkun. Għal dan il-għan, kompla s-Sindku, żdiedu ż-żoni pedonali u anke tneħħew karozzi li kienu jkunu pparkjati quddiem Dar il-Mediterran u bnadi oħra, bħal fi Pjazza Mattia Preti u li kienu jweħħlu t-traffiku.

Kompla jisħaq li l-Kunsill qed jaħdem ukoll fuq il-vannijiet li jidħlu jqassmu l-prodotti fil-Belt. Fost dawn semma l-ħwienet tas-souvenirs. Spjega kif sa ftit ilu kienu jidħlu mad-disgħa vannijiet biex ifornu lil dawn il-ħwienet, iżda issa sar arranġament biex jidħol biss vann wieħed u jforni l-ħwienet kollha. Insista li l-istess jista’ jsir b’dawk il-vannijiet li jfornu r-ristoranti bix-xorb. 

Temm jisħaq li mhuwiex biżżejjed li vannijiet jinbidlu għal dawk li jaħdmu bl-elettriku. Fil-fatt qabel mal-VCA li d-daqs ta’ dawn il-vannijiet ikun jirrispetta t-toroq dojoq tal-kapitali biex ma tibqax issir ħsara.

X’inhuma l-proposti kollha tal-VCA?

  • Il-Gvern jagħti inċentivi u jħeġġeġ lill-komunitajiet, lill-ħwienet, lin-negozji u lill-binijiet tal-Gvern fil-Belt Valletta sabiex jeqilbu għal enerġija solari
  • Sa mill-2030, permessi ġodda għal lukandi, appartamenti, ristoranti u postijiet oħra ta’ divertiment jingħataw biss lil dawk li ma jagħmlu ebda ħsara lill-ambjent.
  • Sal-2025, il-Belt Valletta jkollha numru ta’ ġonna fuq il-bjut ta’ binijiet storiċi bħall-iSpazju Kreattiv, il-Parlament u binjiet oħra tal-Gvern
  • Sal-2023, il-vetturi kollha li jipprovdu servizzi fil-Belt Valletta jkunu jaħdmu kollha bl-elettriku u jkunu ta’ qies li jirrispetta t-toroq tal-Belt
  • Sal-2023, is-servizzi kollha fil-Belt Valletta, inklużi vetturi tal-kunsinna, ikunu pprovduti fi ġranet u ħinijiet speċifiċi fil-ġimgħa skont skeda maqbula mas-sidien
  • Sal-2030, jidħlu biss vetturi jaħdmu bl-elettriku fil-Belt
  • Sal-2023, it-trasport għan-nies li jużaw il-Park and Ride fi Blata l-Bajda għandu jkun jopera totalment bl-elettriku.
  • Jiġu kkunsidrati iżjed żoni u pjazez pedonali.
  • L-Għassa tal-Pulizija tal-Belt Valletta tiġi rilokata f’post aħjar u iżjed ċentralizzat, jiġifieri f’Misraħ il-Ħelsien

More in Politika