Il-Ministru jindika li s-sena d-dieħla ċ-ċekk tar-refużjoni tat-taxxa se jinkludi ammonti akbar

Meta mistoqsi jekk il-Gvern hux se jżomm mal-wiegħda tiegħu u jgħolli dawn l-ammonti, il-Ministru tbissem u stieden lill-ġurnalisti biex jistennew il-Baġit ta’ nhar it-Tnejn

Il-Ministru għall-Finanzi Clyde Caruana indika li fil-Baġit li se jippreżenta bħal-lum ġimgħa, ir-refużjoni tat-taxxa għas-sena d-dieħla mistennija tkun ogħla.

Kull min jaqla’ inqas minn €60,000 fis-sena, għal dawn l-aħħar snin irċieva ċekk tar-refużjoni tat-taxxa. Din kienet wiegħda li għamel il-Partit Laburista fl-aħħar elezzjoni ġenerali.

L-inqas ammont, fir-refużjoni mogħtija din is-sena kien ta’ €45 għal dawk li jaqilgħu l-aktar u €95 għal dawk li jaqilgħu inqas.

Mistoqsi mill-MaltaToday jekk il-Gvern hux se jżomm mal-wiegħda tiegħu u jgħolli dawn l-ammonti, il-Ministru tbissem u stieden lill-ġurnalisti biex jistennew il-Baġit ta’ nhar it-Tnejn.

Iċ-ċekkijiet tqassmu x-xahar li għadda lil madwar 250,000 ħaddiem. B’kollox, il-Gvern qassam mas-€17-il miljun.

Il-Ministru wieġeb dawn il-mistoqsijiet waqt li kien qed jagħti rendikont tat-twettiq tal-Baġit tas-sena li għaddiet.

Caruana spjega kif mill-miżuri mħabbra, il-Gvern wettaq 79%, fi kliemu, 7% aqwa mill-medja perċentwali miksuba fl-aħħar 8 snin.

Dan ifisser, kompla jispjega, li twettqu 364 miżura. Dan jinkludi miżuri mill-Baġit 2021 kif ukoll 159 miżura oħra li fis-sena tagħhom kienu fi stadju ta’ twettiq u li twettqu fl-2021. 

Il-Ministru Caruana spjega li d-dokument ta’ implimentazzjoni jagħti rendikont tal-aħħar sena u tal-isfidi ċari li ġabet magħha l-pandemija, u hekk ukoll se jagħmel il-Baġit għas-sena 2022 li se jitħabbar il-ġimgħa d-dieħla. 

Qal li bil-kontra ta’ pajjiżi oħra, Malta ħareġ mill-agħar tal-pandemija b’inqas qgħad irreġistrat, inqas nies inattivi u iktar nies fid-dinja tax-xogħol

Il-Kap taċ-Ċivil Mario Cutajar semma li l-eżerċizzju ta’ monitoraġġ u t-twettiq li ddaħħal mis-Servizz Pubbliku tmien snin ilu, jassigura li dak li jkun ġie mwiegħed waqt id-diskors tal-Baġit, jitwettaq. 

Qal li fl-aħħar tmien snin, twettqu total ta’ 1,970 miżura. 

More in Politika