Analiżi | Ħafna retorika, ftit sustanza u oratrija batuta! Id-diskorsi tal-Indipendenza...

Kienu diskorsi li saffru l-ewwel suffara, kien fihom ħafna rettorika sabiħa u patrijottika, imma neqsin mis-sustanza kif ukoll mill-ħeġġa u l-oratrija eċċellenti li konna drajna biha b'politiċi bħal Eddie, Mintoff, Muscat u Gonzi. L-ILLUM tanalizza ...

Nhar l-20 ta' Settembru li għadda ż-żewġ partiti bħal donnhom saffru s-suffara elettorali b'żewġ diskorsi - wieħed tal-Kap tal-Oppożizzjoni u tal-PN Bernard Grech, fuq il-Fosos u l-ieħor tal-Prim Ministru u Mexxej Laburista Robert Abela f'Ta' Qali. Il-gazzetta ILLUM tat ħarsa iktar analitika lejn dawn id-diskorsi, l-impatt tagħhom, l-udjenza quddiemhom, in-narrattiva u s-sustanza, speċjalment għal dawk l-eluf li rawhom u forsi għadhom ma ddeċidewx fejn se jkunu qed jitfgħu l-vot tagħhom meta tasal l-elezzjoni. 

Rettorika kemm trid...speċjalment fuq l-ambjent!

Naturalment, ir-rettorika hija parti importanti f'diskors politiku u wieħed jistenna li jkun hemm element tagħha li tqajjem u tħeġġeġ lill-poplu - kemm dawk isewgu quddiem il-kelliem imma anke dawk li segwew fuq it-TV jew inkella fuq il-midja soċjali.

Il-problema hija li fiż-żewġ diskorsi, diversi drabi, ir-rettorika kienet xi ftit għajjiena u kopja ta' frażijiet li issa  xbajna nisimgħu u li frankament u probbabbilment ftit għadha tikkonvinċi, ħlief lil dawk li diġà konvinti. 

Fuq in-naħa tal-Fosos kien hemm ħafna rettorika dwar il-"bajda u l-ħamra" - l-istess mod kif il-bandiera Maltija hija deskritta fid-diska Tema 79, sinonima mal-Partit Laburista - filwaqt li f'Ta' Qali kellna l-għajta Mintoffjana u patrijotta ta' "Malta l-ewwel u qabel kollox."

Fuq l-ambjent iż-żewġ mexxejja eċċellaw sew fuq ir-rettorika imma xi ftit jew wisq kienu neqsin mis-sustanza. 

Bernard Grech qal li jrid "rivoluzzjoni ħadra" u jrid "koalizzjoni mal-poplu fuq l-ambjent" u saħaq li wasal iż-żmien li "niġġieldu lura fuq l-ambjent." Huwa wiegħed lil dawk li kienu  qed isegwu appoġġ lill-bdiewa u sajjieda u qal li l-kosta tal-Maltin għandha tibqa' tal-Maltin. 

Fuq dan is-settur, fejn ir-rabja ilha palpabbli fost l-elettorat għal snin u kompliet tikber taħt Gvern Laburista, il-PN jeħtieġ ikun ħafna aktar "avventuruż" minn hekk jekk irid jikkonvinċi. Irid jieħu pożizzjonijiet ċari - bħalma ħa eventwalment - fuq ta' Wied il-Għajn, fuq oħrajn bħal tad-DB f'Pembroke, jew inkella fuq żvilupp urban qrib iċ-ċentri tal-irħula. Lest ibiddel il-Pjani Lokali? Lest ireġġa' lura deċiżjonijiet bħaż-żieda fis-sulari tal-lukandi? Lest inaqqas iż-żoni fejn jista' jinbena high rise? Lest jaqbad meded ta' żoni u jagħtihom aktar protezzjoni biex b'hekk sidien ta' djar f'dawn iż-żoni ma jkunux jistgħu jwaqqgħu darhom u jibnu blokka appartamenti? Fuq il-bidla fil-klima, Bernard Grech kif qed jippjana li jnaqqas l-emissjonijiet tal-karozzi? Se jgħolli l-prezzijiet tal-karozzi? Se jipprijoritizza t-trasport pubbliku fit-toroq? Jew se jibqa' jipperpetwa l-kultura dominanti li dejjem kien hawn, tal-karozza l-ewwel u qabel kollox? 

Bernard Grech diġà qal li l-bidliet fil-konfini tal-iżvilupp, li kienu żdiedu bil-qawwi taħt Gvern Nazzjonalista lura fl-2006 mhux se jkun qed imisshom. Mela dan ifisser illi bih u mingħajru PM, l-iżvilupp li għad irid isir fuq dawn l-artijiet, xorta ser isiru. 

Dwar Wied il-Għajn, il-PN ħa deċiżjoni u dan kien pass tajjeb 'il quddiem. Pass li tah kredibilità mal-faxxa ta' votanti ħodor, kif kien inċidentalment ħa l-istess tip ta' pożizzjoni fuq il-binja tal-Università Amerikana fiż-Żonqor. Minkejja dan, Grech bħal donnu diġà ħalla 'exit clause' għalih innifsu u meta mistoqsi dwar Yacht Marina fix-Xemxija - fejn Transport Malta informat illi fi Frar se jibda xogħol fuq irmiġġ organizzat għad-dgħajjes, eżatt barra l-istabbiliment tal-Beachaven - Grech la ħa pożizzjoni favur u lanqas kontra.

Intant f'Ta' Qali l-PM elenka numru ta' proġetti li saru u huma lkoll ta' fejda u li ftit tista' tikkritika. Żewġ miżbliet isiru family parks (Tal-Qortin u Wied Fulija) huma xi ħaġa pożittiva ferm (nittamaw li jkun hemm manutenzjoni tal-post - mhux naqtgħu iċ-ċoff u nħallu s-siġar imutu!). Li qed isir park f'Bengħisa u li ser jitkabbar ġnien f'Santa Luċija u li għaddej xogħol biex il-park f'Ta' Qali jikber, huma lkoll proġetti tajbin, kif sewwa għamel li ftaħar il-PM Abela dwar inċentivi biex karozzi jaqilbu għall-elettriku. 

Xorta iżda, dan ma jnaqqasx mis-sens ta' rabja li hawn għall-fatt li jinħass li l-iżvilupp għaddej kullimkien, żvilupp ta' bini u anke ta' toroq kollha f'daqqa - li qed joħolqu ħafna trabijiet, inkonvenjent u sens illi Malta donnha sit tal-bini. Il-karatteristika tar-raħal Malti qed tinbidel f'diversi żoni u diversi djar b'karatteristiċi partikolari qed jitwaqqgħu biex minflokhom jinbnew appartamenti. 

Sondaġġ ippubbikat mill-gazzetta ILLUM minn POLAR nhar il-Ħadd li għadda juri biċ-ċar illi hawn rabja u sens ta' diżillużjoni fuq dan is-suġġett, b'85% tal-Maltin jemmnu li hawn "wisq żvilupp fil-pajjiż" b'97% tal-parteċipanti żgħażagħ u 90% tal-Għawdxin jemmnu dan ukoll.

Il-PM x'se jagħmel? Se jbiddel il-pjani lokali? X'se jagħmel fuq Marina f'Wied il-Għajn u jemmen li jekk mhux hemmhekk għandha ssir marina post ieħor?  Veru li hemm l-inċentivi biex nies jaqilbu għal karozzi elettriċi u huwa veru wkoll li hu jixtieq diskussjoni dwar metro, iżda l-Gvern tal-lum kif qed jara li jnaqqas it-tniġġis mill-karozzi b'mod sostanzjali u malajr? Kif se jindirizza dan it-tħassib tal-poplu? Se jipprijoritizza t-trasport pubbliku, sakemm forsi jsir metro? Se jbiddel il-pjani lokali? Se jwaqqaf kull żvilupp fuq art ODZ b'tali mod li persuna lanqas ikollha dritt tapplika biex tiżviluppa fuq ODZ? Se jwaqqaf u jippenalizza lil dawk li jabbużaw mill-ilma tal-pjan, illum qabel għada? 

Il-fatt li l-ambjent issemma' kemm fuq il-Fosos u anke f'Ta' Qali ifisser li ż-żewġ partiti jafu sew li din il-kwistjoni qed iddejjaq lin-nies. Is-sondaġġi ma jigdbux! Il-problema hi, li s-soluzzjonijiet li qed nisimgħu bihom huma qatra f'oċean ta' miżuri li hemm bżonn jittieħdu biex insalvaw dak li għad fadal. 

Full marks għar-rettorika, imma falliment fil-proposti li vera jibdew jagħmlu differenza serja mil-lum u li wħud minnhom jafu jfissru sagrifiċċju, telf ta' voti u rabja minn ċerti inħawi li draw jagħmlu li jridu! 

Fejn marru Eddie, Mintoff, Muscat u Gonzi?

It-tonalità tad-diskors huwa importanti biex iqanqal l-emozzjoni fost l-udjenza li qed tisma'. Mexxej tajjeb u effettiv bilfors irid ikollu l-kapaċità mhux biss li jikkomunika, imma li jkun kapaċi jemozzjona - jirrabja lill-folla, jdaħħakha, jipprovokaha biex tirreaġixxi, jbikkiha u finalment jikkonvinċiha li hu l-aħjar għażla. Eddie Fenech Adami, kien oratur eċċellenti bħal ma kien l-avversarju tiegħu Dom Mintoff - magħrufin għal kif kienu jimmeżmerizzaw lill-folla quddiemhom u joħolqu emozzjoni f'uħud mill-aktar diskorsi kbar li kellhom. L-istess Gonzi u warajh Joseph Muscat. Kulħadd jiftakar erba' snin u nofs ilu biss, l-aħħar mass meeting tal-Labour ta' Ħal Far u Muscat fl-aqwa tal-aqwa oratrija tiegħu. 

Dak l-eċitament, l-ewforija u l-ħeġġa li kienu jqajmu dawn kienet tinħass nieqsa f'dawn iż-żewġ attivitajiet, għalkemm jidher li Bernard Grech - li kellu bidu ħażin fir-reazzjoni tiegħu għall-aħħar Baġit - pprogressa ħafna iktar fid-delivery, tonalità u anke fl-oratrija. Jidher li Grech ħa aktar bis-serjetà il-kritika li qala' wara d-diskors b'reazzjoni għall-baġit u dan beda jħalli l-frott. 

Abela jeħtieġ ikun attent li ma jiżvalutax wisq l-effett pożittiv li għadha tħalli l-kariżma u l-oratrija fuq l-elettorat. 

Bħala delivery allura, minkejja nuqqas ta' eċitament fuq iż-żewġ naħat, Grech jgħaddi bi ftit lil Abela.

Kif jaraw u jipproġettaw lilhom infushom...

Il-Prim Ministru, waqt dan id-diskors, għamel ħafna enfasi fuq is-Soċjaliżmu Demokratiku u li hu soċjalist, imma mhux wieħed li joħloq l-għira bejn il-klassijiet. Din hija l-immaġini li wara kollox ilu jipproġetta l-Partit Laburista, biex jinża' l-immaġini tal-istess partit lura fis-70ijiet u t-80ijiet bil-famuża "aristokrazija tal-ħaddiem" - mibnija fuq il-kunflitt tal-klassi soċjali, il-fqir kontra s-sinjur. Mhux għax din ma għadhiex teżisti, imma illum rfinat ruħha u ħadet sfumaturi differenti li ħafna drabi jirriżultaw fi prekarjat, abbuż, preġudizzju u aktar. 

Abela jara lilu nnifsu bħala l-faċilitatur tal-wens u l-ġustizzja soċjali, speċjalment l-għajnuna lejn il-vulnerabbli u min baqa' lura. Dan iżda mingħajr ma jindaħal fis-suq u jħalli "s-suq, isuq", li fl-aħħar mill-aħħar tfisser li s-suq ikun iddettat mill-profitt, mid-domanda u l-fornitura u mis-saħħa ta' korporazzjonijiet miljunarji u biljunarji, ħafna drabi internazzjonali. 

Naturalment dan fetaħ lil Abela għall-kritika mix-xellugin, li fakkruh illi Soċjalist ma jbigħx il-baħar lis-sinjuruni u l-art lill-kuntratturi "bir-ribass" u ma jkunx qrib wisq tad-dinja tal-miljunarji bir-riskju li jkun sottomess għalihom!

Minn naħa l-oħra Bernard Grech ipproġetta lilu nnifsu bħala persuna tat-triq, li ħadem qatigħ bl-għaraq ta' xbinu biex bena daru u familtu u naturalment fakkar li hu twieled Raħal Ġdid u għex żogħżitu Birżebbuġa, mhux bħal ħaddieħor li - skont hu - sab kollox lest, inkluż servizzi tal-Palazz tal-President. Abela kien għamel dan ukoll meta kien semma' l-konnessjonijiet tiegħu mal-familja bħala ħaddiema tax-xatt fl-elezzjoni għal mexxej Laburista ġdid.  

Lilhinn mill-fatt li George Abela tpoġġa President tar-Repubblika minn Gvern Nazzjonalista (ma tistax tagħmlu President imbagħad toqgħod tgerger għax "gawda" mil-lussu u l-benefiċċji Presidenzjali - li wara kollox gawda minnhom kull President ieħor!), dak ta' Grech huwa attentat ċar biex iressaq lill-PN lejn il-votant li "jaqlagħha u jikolha", middle-class u tan-naħa ta' isfel fejn fl-aħħar 12-il sena tilef ħafna u ħafna appoġġ. Fil-fatt fl-2013 u anke l-2017 il-PN tilef ħafna appoġġ f'distretti li diġà kienu diffiċli għalih. Waħda mill-akkużi li ta' spiss saru lill-PN, kemm qabel l-2013 pero' anke wara, kien li huwa maqtugħ mir-realtà tal-poplu u l-ambizzjonijiet tiegħu. Dan minnu nnifsu huwa tajjeb u żgur li huwa pass 'l quddiem għal Grech u għall-PN. 

Il-problema għal Grech hija li b'Baġit ieħor, pre-elettorali, b'wegħda diġà magħmula ta' żieda oħra fil-pensjoni wara żieda f'kull baġit u probabbilment aktar miżuri ta' stimolu, wara ħafna miżuri fl-aħħar snin - inkluż waqt il-Covid-19 - se jkollu jagħmel ħafna iktar minn sempliċiment diskors, biex l-udjenza aktar Laburista, tan-nofsinhar u li "taqlagħha u tikolha" tivvutalu! 

Fil-fatt hija ċara l-implikazzjoni mid-diskors tal-Prim Ministru f'Ta' Qali li l-Baġit li jmiss se jkun kruċjali għall-Gvern u se jużah u jeħilbu kemm jiflaħ, biex jgħid li waqt l-akbar kriżi lokali u  internazzjonali mit-Tieni Gwerra Dinjija l-Gvern żamm lil Malta fil-wiċċ u fuq quddiem nett fil-proċess ta' vaċċinazzjoni bla awsterità, fl-istess waqt illi jkompli jroxx u jħabbar miżuri li jħallu aktar flus fil-but.

Sfortunatament għall-PN, għalkemm wieħed jifhem għaliex qed jagħmilha, il-Gvern jaf jieħu wkoll minn xi proposti elettorali li dan il-partit għamel diġà, jirfinahom u jagħtihom it-timbru tiegħu - filwaqt li naturalment jieħu l-krettu kważi kollu hu, eżatt bħalma ġara fuq il-vouchers!

Interessanti kif Grech beda d-diskors, u allura kif jara lilu nnifsu bħala kontinwazzjoni tal-"passat glorjuż" tal-PN. Fil-fatt - minkejja li l-ewwel memorja pubblika ta' Grech hija fil-kampanja kontra l-introduzzjoni tad-divorzju - huwa jgħid li kien hemm fi-80ijiet, kien hemm fil-kampanja għar-referendum tad-dħul ta' Malta fl-UE, "ma' Simon Busuttil u ma' Adrian Delia meta kien reġa' qed iressaq lill-partit lejn in-nies." 

Dan l-aħħar punt kien interessanti, fis-sens illi kien atttentat ċar ta' rikonċiljazzjoni, sena biss wara kampanja qarsa ħafna li qasmet lill-PN, li rat ħafna mill-għeruq u attivisti f'battibekki kontinwi kontra xulxin u li ħalliet minoranza voċifera pro-Delia, diżilluża u diżappuntata. Minkejja dan l-attentat, it-T shirts ta' 'Team Delia' u l-kundanna sussegwenti ta' Grech, innewtralizzat xi ftit l-attentati ta' rikonċiljazzjoni. 

Il-Bidla

Interessanti li l-bidla kienet tema li ż-żewġ kelliema messew magħha matul iż-żewġ diskorsi. Imma mil-liema angolu? 

It-tema tal-bidla kienet ċentrali fid-diskors ta' Grech, forsi kif wieħed jistenna, ladarba l-PN jixtieq il-bidla biex hu jkun fil-Gvern. It-tema tal-festi tal-Indipendenza kienet fil-fatt tiċċentra madwar din it-tema, bil-messaġġ ikun: 'Kun il-bidla'. Hu elenka diversi bidliet, fosthom il-bidla fid-direzzjoni, fl-ambjent, il-bidla fil-partit b'referenzi għall-uċuħ ġodda, bidla fil-pagi tal-għalliema u finalment elenku bl-istil à-là Joseph Muscat, li temm id-diskors tiegħu fuq il-Fosos, dwar bidliet li jistgħu jwettqu in-nies. 

Minn naħa l-oħra, l-PM Abela għamel aċċenn qawwi fuq bidliet ta' natura oħra. Bidliet fil-qasam Kostituzzjonali, permezz ta' riformi li saru kemm ilu Prim Ministru u bidliet fil-Partit Laburista, permezz tal-inizzjattiva 100 idea. 

Fil-każ tal-Prim Ministru l-indirizz lejn il-bidla għandha għan differenti. Filwaqt li Grech qed jindirizza lin-Nazzjonalisti u dawk li dejjaqhom jew iħossuhom traduti minn dan il-Gvern u allura jridu jikkastigawh billi jpoġġuh lura fl-Oppożizzjoni, il-bidla ta' Abela hija indirizzata lejn dawk li jirrikonoxxu t-tajjeb kollu li sar mill-Gvern, jirrikonoxxu l-bidliet li wettaq Abela, imma xorta huma mdarrsin sew bl-istejjer ta' korruzzjoni jew nepotiżmu, speċjalment dawk li jiċċentraw ma' Keith Schebri, Konrad Mizzi u Joseph Muscat. 

Id-diskorsi fuq Facebook!

Robert Abela

Kemm rawh? 28,000 *(sal-Ġimgħa - Paġna FB PL) 

Kemm irreaġixxew għall-filmat? 837*

Kemm ikkumentawlu? 359 kumment*

Bernard Grech

Kemm rawh?  - 33,000 *(sal-Ġimgħa - Paġna FB PN)

Kemm irreaġixxew għall-filmat? - 76

Kemm ikkumentawlu? - 16-il kumment

More in Politika