'Qed jgħaddu romblu minn fuq l-għalliema' - Il-PN jakkuża lill-Gvern b'nuqqas ta' pjan għall-iskejjel

Waqt konferenza tal-aħbarijiet, il-Partit Nazzjonalista akkuża wkoll lill-Gvern li qed jipprova jagħmel sarima ma’ ħalq l-edukaturi

Il-Kelliem tal-Oppożizzjoni għall-Edukazzjoni, Clyde Puli, insista li n-nuqqas ta’ pjan u djalogu min-naħa tal-Ministeru għall-Edukazzjoni wassal biex fil-ftuħ tal-iskejjel inħolqot rabja, ansjetà u inċertezza fost l-għalliema u li fl-aħħar mill-aħħar se jkunu l-istudenti li jbatu.

Puli qal dan waqt konferenza tal-aħbarijiet li matulha akkuża lill-Ministeru għall-Edukazzjoni li qed jipprova jagħmel sarima ma’ ħalq l-edukaturi meta ressaq mandat ta’ inibizzjoni kontra l-azzjonijiet industrijali li ħabbret il-Unjin Maltija tal-Għalliema (MUT).

Puli rrefera għal dak li qalet l-MUT u insista li l-Gvern għażel li jħalli lill-edukaturi fl-għama għal sajf sħiħ u għax ma kienx ippreparat kellu jirrikorri għal trasfermenti, jumejn biss qabel infetħu l-iskejjel.

“Dak li wissejt jien xahar ilu seħħ. Konnha għidna li qegħdin tard. Dakinhar daħqu bina. Dakinhar qalulna li fadal xahar. Huwa ċar li kellna raġun,” insista Puli.

Insista li min-naħa tal-Ministeru hemm nuqqas ta’ pjan u djalogu u saħaq li t-trasferimenti jumejn qabel tinfetaħ l-iskola ma kinux jagħmlu sens, anke għax huwa impossibbli li edukatur jipprepara l-materjal fi żmien daqshekk qasir, aktar u aktar jekk kien ilu maqtugħ mis-suġġett li ntbagħat jgħallem.

Staqsa wkoll kif komplew jiżdiedu l-klassijiet fil-primarja, jekk id-distanza soċjali f’dawn il-klassijiet, fost l-istudenti ta’ din l-età, baqa’ l-istess.

Staqsa wkoll għaliex kien hemm persuni li bagħtu biex jagħmlu interview, biex jaħdmu bħala għalliema u li dawn, il-Ministeru ma sejħilhomx, minkejja li hemm nuqqas ta' edukaturi.

‘L-appell sinċier tagħna huwa li tinstab soluzzjoni b’rispett lejn it-tfal u l-professjonisti. Is-soluzzjoni tinstab biss fid-djalogu,” temm jisħaq Puli.

Il-konferenza kienet indirizzata wkoll mill-kandidat tal-Partit Nazzjonalista u l-għalliem Clifford Zahra Fenech li saħaq li l-Gvern donnu qed jinsa li l-kawża ta’ dan kollu, mhijiex il-pandemija, imma l-isfida ta’ nuqqas ta’ għalliema li mhux qed jindirizza.

Indirizzat il-konferenza wkoll il-kandidata u l-għalliema Juie Zahra li rreferiet għall-proposti tal-Partit Nazzjonalista, fosthom iż-żieda fil-pagi tal-edukaturi. 

Aqra wkoll:

More in Politika