Il-PN jastjeni fuq il-vot tal-inċineratur ... għax ir-rappreżentant tiegħu fl-ERA b'kunflitt ta' interess

Il-fatt li Chris Ciantar kien qed jagħmel xogħol ma' kumpanija interessata fil-proġett tħalli lill-PN bla pożizzjoni quddiem l-ERA, dwar il-proġett massiċċ u kontroversjali tal-Waste-To-Energy

Chris Ciantar
Chris Ciantar

Il-Membru tal-Partit Nazzjonalista fuq il-Bord tal-Awtorità għall-Ambjent u r-Riżorsi (ERA) kien l-uniku wieħed li ma vvotax u lanqas attenda l-Laqgħa li approvat l-impjant kontroversjali tal-Waste-to-Energy (l-inċineratur). Chris Ciantar - eks policy director fil-Ministeru ta' George Pullicino - ma setax jivvota għaliex skont Kelliem tal-PN kellu kunflitt ta' interess minħabba xogħol ma' waħda mill-kumpaniji li esprimiet interess biex twettaq dan il-proġett massiċċ.

Il-gazzetta ILLUM staqsiet lill-PN għaliex Ciantar ma kienx preżenti għall-vot fuq proġett daqstant maġġuri u importanti għall-pajjiż, bil-Kelliem tal-PN jikkonferma u jgħid illi Ciantar bħalissa qed jikkoordina proġett iffinanzjat minn fondi ewropej u lokali fuq produzzjoni ta’ biofertilizzant. 

Huwa spjega mal-ILLUM kif Ciantar qed jagħmel dan permezz ta' kumpanija ewlenija li esprimiet interess fil-proġett tal-inċineratur. "Għalhekk Ciantar ħass li għandu jirrikuża ruħu mid-diskussjoni f’każ li tali kumpanija tintagħżel minnu fuq il-proġett li hu stess qed jikkoordina."

Il-Kelliem tal-PN qal ukoll li Ciantar kien esprima din l-intenzjoni qabel is-smigħ u l-vot, kemm lill-PN u anke liċ-Chairman tal-ERA. 
Sorsi qrib il-Gvern li kellmu lil din il-gazzetta qalu iżda li hija stramba u opportunista kif il-PN ma jiħux pożizzjoni - permezz tal-vot fl-ERA - fuq proġett bħal dan "biex la jfuħ u lanqas jinten". 

Nhar il-Ġimgħa 17 ta' Settembru li għadda l-ERA approvat il-kostruzzjoni ta' faċilità ġdida Waste-to-Energy fiż-żona tal-Magħtab, flimkien ma' toroq għall-aċċess ta' dan l-impjant u faċilitajiet anċillari. Dan l-impjant se jkun qed juża skart mid-djar u dak kummerċjali u jiġġenera elettriku, filwaqt li - skont stqarrija tal-ERA - "drammatikament inaqqas l-iskart li effettivament ma jistax jiġi riċiklat u allura jkollu jitpoġġa f'landfill."

Il-Gvern kien esprima l-intenzjoni li jiżviluppa dan l-impjant lura fl-2018. Dakinhar il-Ministru Josè Herrera kien ħabbar li l-impjant se jkun mifrux fuq 5,000 metru kwadru ta' art u se jiswa' bejn €120 miljun u €150 miljun. Kien qal ukoll li l-impjant se jkun qed jitratta mal-40% tal-iskart li jkun iġġenerat f'pajjiżna. 

Lura f'Ottubru 2020 tliet konsorzji internazzjonali kienu shortlisted għal dan il-proġett. Dawn huma: FCCMA-Hitachi JV Malta, Urbaser-Terna u Consortium Suez - Tecnimont - Termomeccanica. 

Mal-gazzetta ILLUM il-Ministru tal-Ambjent Aaron Farrugia kien sostna li filwaqt li l-investiment li kien għamel Gvern Nazzjonalista biex il-Magħtab tiġi "issiġillata" u ma tnixxix dak li huwa tossiku, kien tajjeb, "xħin dħalt f'Jannar (2020) għidtilhom li b'din ir-rata, se nispiċċaw ħdejn l-akkwarju tal-Qawra bil-miżbliet.  Għalhekk bdejna l-proġett tal-Waste-to-Energy."

Farrugia kien qal lil din il-gazzetta li professjonisti u persuni bħal Harry Vassallo, Edward Mallia u oħrajn "għamlu studju illi juri illi Malta għandha bżonn waste-to-energy u kien deċiż li dan l-inċineratur isir fil-Magħtab ukoll... Issa jiena mort għall-mudell build and operate, jiġifieri min se jirbaħ it-tender se jiddiżinja, jibni u jmexxi l-inċineratur."

Huwa kien fakkar ukoll li kuntrarjament għall-perċezzjoni popolari, f'postijiet bħal Vjenna, l-inċineraturi b'teknoloġija moderna huma attrazzjoni u f'dan il-każ saħansitra jmiss mal-Università. 

 

More in Politika