Caroline Muscat tgħid li Manuel Delia se jitlaq mill-pajjiż għax ingħata programm imħallas ta' sitt xhur fl-Ewropa

... dan meta Delia qal li li se jitlaq mill-pajjiż għax ħajtu tinsab mhedda

Caroline Muscat, Editur ta' The Shift, kitbet artiklu illi fih għodda kważi gidbet lil Manuel Delia u akkużatu illi mhux qed jagħmel ġid lill-kawża ta' Daphne Caruana Galizia meta jgħid li se jitlaq minn Malta minħabba li qed jibża' għas-sigurtà tiegħu, meta  - skont Muscat - hu sempliċiment se jmur fuq programm Ewropew imħallas għal sitt xhur! Caroline Muscat qalet li taf li dan huwa minnu, għaliex il-programm kien offrut lilha wkoll bħala editur. 

Dan imeri l-verżjoni u l-impressjoni li ta Manuel Delia, li qal illi se jkun qed jitlaq mill-pajjiż minħabba theddid serju fuq ħajtu minn persuni qrib l-assassinju ta' Daphne Caruana Galizia, tant li l-Prim Ministru stess talab lill-Pulizija biex tingħata protezzjoni.

Muscat qalet li ġurnalist li jkun iffaċċjat b'theddida serja jaf li ma għandux iħabbar li se jitlaq mill-pajjiż "u kieku tkun theddida serja, ċertament ma tħallix lill-famija warajk."

Delia qatt ma semma dan il-programm ewropew li qed isemmi Caroline Muscat, la lokalment u lanqas mal-midja Taljana, meta kien qed jirreferi għal dan it-theddid. 

Aktar minn hekk iżda Caroline Muscat ikkritikat bil-qawwi l-komportament ta' Delia u sostniet li dan "qed jagħmel ħsara lill-kawża tal-verità u l-ġustizzja għal Daphne Caruana Galizia ... ix-xogħol ta' Delia kien ta' valur għal din il-kawża, imma li tagħmel dan l-appell għas-simpatija pubblika jwassal biex tikber l-isfiduċja fil-midja u b'konsegwenza l-kampanja sħiħa ta' ġustizzja għal Daphne," qalet Caroline Muscat. 

 

 

More in Politika