'Bil-politika ta' dan il-Gvern f'Awwissu kellna l-inqas rata ta' qgħad li qatt esperjenza pajjiżna'

'Bil-politika ta' dan il-Gvern f'Awwissu kellna l-inqas rata ta' qgħad li qatt esperjenza pajjiżna' - Robert Abela

Il-PM Abela waqt il-laqgħa mal-GWU
Il-PM Abela waqt il-laqgħa mal-GWU

Il-Prim Ministru Robert Abela ltaqa’ mar-rappreżentanti tal-General Workers Unions (GWU) u matul din il-laqgħa qal li bħalma l-GWU tpoġġi l-ħaddiema f’pajjiżna fiċ-ċentru tal-ħidma tagħha, l-istess qiegħed jagħmel dan il-gvern fit-tfassil tal-politika tiegħu.  

“Fid-deċiżjonijiet li nieħdu ta’ kuljum, dejjem inpoġġu l-interessi tal-ħaddiem l-ewwel. Fit-tfassil tad-dokument tal-baġit, irridu nassiguraw li l-ħaddiema u s-suq tax-xogħol ikunu protetti u siguri,”stqarr il-Prim Ministru.

F’dan il-kuntest, il-Prim Ministru nnota kif statistika maħruġa mill-Uffiċċju Nazzjonali tal-Istatistika wriet kif matul ix-xahar ta’ Awwissu, "grazzi għall-politika ta’ dan il-Gvern, pajjiżna rnexxielu jikser rekord ieħor fuq dak tax-xahar preċedenti, bir-rata ta’ qgħad tkun l-inqas waħda li qatt esperjenza pajjiżna."

“F’April tal-2020 kellna għażla. Dik li mmorru għal politika tal-awsterità jew dik li nkomplu ninvestu fil-familji Maltin u Għawdxin bl-għan li nipproteġu l-impjiegi ta’ eluf ta’ ħaddiema. Illum, l-istatistika wriet li d-deċiżjonijiet li ħadna kienu korretti. Kieku ma ħadnix dawk id-deċiżjonijiet, illum qed nitkellmu fuq rata ta’ qgħad għolja ħafna”, qal Dr Abela.

Fil-konklużjoni tiegħu, il-Prim Ministru qal li jħares ‘il quddiem sabiex jara r-riżultati tal-proċess ta’ konsultazzjoni li kien nieda l-Gvern fil-bidu ta’ din is-sena b’rabta mal-politika tax-xogħol għas-snin li ġejjin.

Min-naħa tiegħu, is-Segretarju Ġenerali tal-General Workers Union Josef Bugeja saħaq li d-djalogu soċjali huwa wieħed mill-akbar forzi ta’ suċċess li għandu pajjiżna. “Is-soluzzjonijiet għall-isfidi tal-lum il-ġurnata nsibuhom billi niddiskutu flimkien”, qal Bugeja.

F’dan ir-rigward, is-Segretarju Ġenerali tal-GWU fakkar kif lura fil-bidu tal-pandemija, l-ispirtu ta’ djalogu soċjali wera' mill-ġdid li kien ta’ suċċess.

“Niftakar li l-Prim Ministru kien talab sabiex aħna, flimkien ma’ imsieħba soċjali oħra, niltaqgħu, niddiskutu u noħorġu bis-soluzzjonijiet. Il-pandemija wriet li kienet eżempju perfett ta’ suċċess f’dan ir-rigward u hekk irridu noperaw fis-snin li ġejjin”, temm jistqarr Josepf Bugeja. 

More in Politika