Żewġ uffiċjali tal-ħabs se jkunu akkużati bi qtil involontarju wara s-suwiċidju ta' żagħżugħa

Missier il-vittma qal li meta kienet qalet lill-uffiċjali tal-ħabs li se tneħħi ħajjitha b'idejha, tawha liżar u affarijiet oħra li spiċċat użat biex wettqet is-suwiċidju

Fil-jiem li ġejjin, il-Pulizija se tkun qed tressaq quddiem il-Qorti żewġ uffiċjali tal-ħabs u takkużahom b’omiċidju involontarju.

Huma qed ikunu suspettati li huma kriminalment responsabbli għas-suwiċidju li wettqet Kim Borg Nicolas Virtu, żagħżugħa ta’ 29 sena.

Skont The Times of Malta, iż-żewġ uffiċjali se jkunu qed jitressqu quddiem il-Maġistrat Caroline Farrugia Frendo.

Borg kienet iddaħlet l-isptar f’Ġunju li għadda wara li ppruvat tagħmel suwiċidju iżda mietet tliet ġimgħat wara f’Mater Dei.

Skont dak li qal il-Ministeru għall-Intern u s-Sigurtà Nazzjonali, l-inkjesta maġisterjali dwar dan il-każ ikkonkludiet li ż-żewġ uffiċjali ma mxewx mal-protokolli.

Fil-fatt hu mifhum li se jkunu akkużati wkoll b’reat li huma kellhom id-dover li jaraw li ma jseħħx.

L-uffiċjali ġew sospiżi immedjatament minn xogħolhom.

Qtil involontarju jġorr miegħu piena ta’ erba’ snin ħabs u multa ta' €11,000.

F’intervista ma’ The Times of Malta, missier il-vittma insista li kienet is-sistema tal-ħabs, li ddeskrivieha bħala “reġim” li wasslet biex bintu wettqet suwiċidju għax ma felħitx aktar, anke jekk ma kienx fadlilha ħafna żmien il-ħabs.

Huwa qed jakkuża lill-uffiċjali tal-ħabs li ħaqqru kemm felħu lil bintu u allega li meta qaltilhom li qed ikollha ħsibijiet li tneħħi ħajjitha, tawha liżar, fost affarijiet oħra li spiċċat biex użat biex wettqet is-suwiċidju. 

Il-vittma kienet qed tiskonta sentenza ta’ sentejn ħaba wara li ammettiet għal akkużi ta’ frodi u serq. Hi kien għad fadlilha biss tliet ġimgħat biex tiskonta s-sentenza.

Kellha wkoll il-vizzju tad-droga u kienet talbet biex tingħata l-għajnuna biex tegħleb ukoll din l-isfida.

Il-missier insista li qatt ma kien infurmat li bintu kien qed ikollha problemi ta’ saħħa mentali u sar jaf biss meta bintu kienet diġà fl-ITU.

Dak li qal il-missier jikkontradixxi dak li kienet qalet stqarrija mill-ħabs, jiġifieri li l-vittma qatt ma esprimiet ħsibijiet suwiċidali.

More in Politika