Il-Partit Nazzjonalista jniedi Konferenza Nazzjonali dwar it-tibdil fil-klima

Din il-konferenza se tkun qed issir nhar id-29 ta' Settembru fejn ħa jkun hemm diskussjoni fuq diversi temi fosthom il-kostruzzjoni, mobiltá, sostenibbiltá u l-enerġija

Il-Partit Nazzjonalista nieda l-Konferenza Nazzjonali dwar it-tibdil fil-klima, kif kien ħabbar  il-Kap tal-Oppożizzjoni u tal-Partit Nazzjonalista.

Din il-konferenza se tkun qed issir nhar id-29 ta' Settembru fejn ħa jkun hemm diskussjoni fuq diversi temi fosthom il-kostruzzjoni, mobiltá, sostenibbiltá u l-enerġija.

Dan tħabbar waqt konferenza tal-aħbarijiet indirizzata mis-Segretarju Ġenerali tal-Partit Nazzjonalista Michael Piccinino u l-Koordinatriċi ta’ PN Greens u kandidat għall-elezzjoni ġenerali Janice Chetcuti. 

Il-kelliema saħqu li din il-konferenza se tkun qed issir għaliex il-Partit Nazzjonalista jixtieq li l-politika tiegħu issir flimkien mal-istakeholders relevanti li għandhom għal qalbhom is-suġġett. Insistew li din il-konferenza se tgħin ikun hemm iktar għarfien, u tiġi fformolata l-politika tal-Partit Nazzjonalista flimkien ma’ nies li huma esperti u għandhom dan is-settur għal qalbhom.

Fakkru li fl-aħħar jiem il-Partit Nazzjonalista ħabbar numru ta’ wegħdiet li jinkludu investiment biex jingħataw spazji pubbliċi lura lin-nies, jiġu mħaddra t-toroq u jiġu riġenerati wesgħat mitluqa fuq livell lokali, jiżdiedu ż-żoni pedonali f’kull lokalità u parkeġġi pubbliċi li jinkludu infrastruttura għall-karozzi elettriċi, fost oħrajn.

Komplew ifakkru li Bernard Grech wiegħed ukoll li Gvern ġdid Nazzjonalista immexxi minnu se jara li fuq kollox l-ispazji li huma barra ż-żoni ta’ żvilupp, dak li allura nafuh bħala ODZ ser jibqgħu hekk għaliex ser jingħataw protezzjoni leġislattiva li biex tinbidel ikollha bżonn iż-żewġ terzi tal-Parlament. 

Il-konferenza se tkun qed issir f’The Notch Conference Centre fl-Urban Valley Resort u tibda fil-ħamsa ta' filgħaxija.

More in Politika